Saturday, December 21, 2024

Dalwaqt jiddaħħal mekkaniżmu addizjonali tal-COLA għal dawk bi dħul baxx

Aqra wkoll

Il-Gvern dalwaqt se jintroduċi mekkaniżmu addizzjoni għal kumpens tal-għoli tal-ħajja li jindirizza lil dawk bi dħul baxx. Dan il-mekkaniżmu jiskatta fejn jinstab li l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja li jingħata kulħadd ma jkunx biżżejjed għal dawk bi dħul baxx.

Din kienet waħda mill-ħafna miżuri mħabbra fil-Budget 2022 li tkellem dwarhom il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana lbieraħ filgħodu waqt laqgħa edukattiva organizzata mill-Għaqda Pensjonanti tal-GWU.

Il-Ministru tal-Finanzi qal dan fil-kuntest tal-mekkaniżmu preżenti ta’ kif tiġi kkalkulata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja li tingħata lil kulħadd l-istess. Huwa enfasizza li biex jintmiss dan il-mekkaniżmu preżenti jrid isir biss bi qbil mal-Imsieħba Soċjali. Għalhekk, il-mekkaniżmu addizzjonali se jkun is-soluzzjoni għal dawk bi dħul baxx.

Filwaqt li qal li fit-tħejjija għall-baġit il-Gvern ra li ma jiżdidux it-taxxi, ra wkoll illi mill-miżuri tal-budget ma jgawdux biss dawk fil-klassi medja li jħallsu t-taxxi imma wkoll dawk li l-inqas jifilħu.

Semma wkoll il-miżura li mis-sena d-dieħla se jkun hemm madwar 16,000 anzjan li apparti ż-żieda ta’ €5 se jieħdu żieda supplimentari li b’kollox tlaħħaq għal mill-inqas €11 fil-ġimgħa.

Minbarra din il-miżura se jkun hemm ukoll 1,300 mara li se jieħdu pensjoni għall-ewwel darba minn Jannar li ġej. Dan apparti l-aġġustamenti li se jkun hemm fil-pensjoni tar-romol.

Il-Ministru Caruana sejjes id-diskors tiegħu fuq it-tisħiħ tal-ekonomija u fisser kif l-ekonomija hija s-sors ta’ kollox. Huwa sostna li Gvern, biex iqassam il-ġid irid ikollu minn fejn għalhekk jeħtieġ li iktar nies ikunu nkoraġġiti jibqgħu jaħdmu anki wara li jirtiraw. 

F’dan il-kuntest huwa rrefera għal miżura li se tifred il-pensjoni minn kull dħul ieħor inkluż dak minn impjieg għal fini ta’ ħlas ta’ taxxa. Din il-miżura li se tiswa lill-Gvern mat-€28 miljun.

Fakkar li d-daqqa tal-pandemija tal-Covid-19 għadha hemm u d-defiċit li ħolqot il-pandemija huwa ikbar mill-ħofra finanzjarja li sab il-Gvern Laburista fl-1996, iżda, żied jgħid il-MInistru, li sakemm ir-rota ekonomika tibqa’ ddur l-ekonomija tibqa’ tikber u tissaħħaħ. “Għalhekk irridu nibqgħu noħolqu x-xogħol għax b’dan biss tibqa ddur ir-rota ekonomika.

Il-Ministru tal-Finanzi fisser li x-xogħol għadu jinħoloq f’pajjiżna u enfatizza li l-Gvern irid jibqa jindokra l-ekonomija tal-pajjiż. “Jekk kollox jibqa’ għaddejh kif inhu il-Gvern ikun f’pożiżżjoni li jib qa jkompli jqassam il-ġid lill-poplu’.

Huwa temm jgħid illi l-Gvern seta’ jħabbar dawk il-miżuri tal-budget għaliex is-suq tax-xogħol kompla jikber u b’hekk inħoloq il-ġid.

Ekonomija

Sport