Saturday, December 28, 2024

Daqt jitnieda abbozz ta’ liġi fuq l-attivitajiet spazjali għall-konsultazzjoni pubblika

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Huwa l-impenn ta’ dan il-Gvern li jixpruna setturi ġodda ta’ valur miżjud għoli lejn pajjiżna. B’dan il-ħsieb se nkunu wkoll dalwaqt inniedu abbozz ta’ liġi fuq l-attivitajiet spazjali għall-konsultazzjoni pubblika. Il-mira tagħna hi li f’pajjiżna jiġu żviluppati innovazzjonijiet teknoloġiċi ġodda li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju mhux biss għas-settur spazjali imma wkoll għall-oqsma l-oħra li jibbenefikaw mit-teknoloġiji u s-servizzi li għandhom l-għeruq tagħhom fix-xjenzi spazjali u l-użu tal-infrastruttura satellitari.”

Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti fil-Parlament meta kienet qiegħda tiġi diskussa mozzjoni dwar ir-ratifika tal-ftehim bejn Malta u l-Aġenzija Spazjali Ewropea. Ftehim li se jwassal għall-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-pjan għall-istati koperattivi Ewropej (PECS).

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti qal li din id-deċiżjoni għandha piż sinjifikanti mhux biss għall-preżent imma wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri fejn tidħol riċerka u innovazzjoni spazjali u l-iżvilupp tal-attivitajiet kummerċjali marbutin jew jiddependu mis-servizzi u t-teknoloġija spazjali.

Huwa spjega kif il-PECS Agreement li ressaq għall-approvazzjoni tal-Kamra huwa pjan ta’ kollaborazzjoni mifrux fuq medda ta’ ħames snin bejn l-Aġenzija u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST). Kien hawn fejn ħabbar li l-MCST fil-jiem li ġejjin se jirristruttura sabiex ikun f’pożizzjoni istituzzjonali aktar soda sabiex iwettaq dmirijiet u kompetenzi ġodda, anke f’dan il-qasam tal-ispazju.

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti żied jgħid li b’dan il-pass, Malta se tingħaqad mal-Istati Membri Ewropej kollha li jikkoperaw mal-Aġenzija Spazjali Ewropea. Dan il-ftehim jirrikjedi li l-Gvern jinvesti miljun u nofs ewro fis-sena li l-maġġoranza assoluta tagħhom jiġu ri-investiti lura fl-ekonomija tal-pajjiż permezz ta’ għotjiet kompetittivi.

Tenna li: “L-isħubija ta’ Malta f’dan l-arranġament iġġib magħha diversi vantaġġi bil-mira ewlenija tkun li l-ftehim jixpruna l-iżvilupp u t-tkabbir tal-industrija lokali. L-entitajiet Maltin se jkollhom l-opportunità li jikkollaboraw ma’ entitajiet internazzjonali sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom filwaqt li jkollhom aċċess għar-riżorsi li f’Malta għadhom mhux aċċessibbli.”

Sadanittant, din il-mozzjoni kif imressqa mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti kienet approvata b’mod unanimu mill-Parlament.

Ekonomija

Sport