Saturday, May 4, 2024

Darts: Ħamrun Bayern A jissorprendu liċ-champions

Aqra wkoll

Ħamrun Bayern A wettqu sorpriża hekk kif għelbu liċ-champions preżenti Floriana Ajax A bl-iskor ta’ 6-2. Hekk kif intlagħbet it-tieni ġurnata ta’ logħob mit-tliet diviżjonijiet tal-kampjonat nazzjonali tad-darts, it-tim tal-irġiel ta’ Education Bar kisbu l-akbar rebħa tal-ġurnata filwaqt li Qormi Hockey Club A u Manchester Conquest Bar ukoll ħadu r-rebħa li tant xtaqu.

Ħamrun Bayern A kisbu rebħa ta’ 6-2 kontra Floriana Ajax A. Wara bidu ferm bilanċjat fejn iż-żewġ timijiet rebħu logħba kull wieħed, il-Ħamruniżi qabdu r-ritmu tant li rebħu l-ħames logħbiet ta’ wara sabiex fl-aħħar kisbu t-tliet punti tant importanti għalihom.

It-tim tal-irġiel ta’ Education Bar kisbu rebħa kbira ta’ 8-0 kontra PO’s Bar Gudja f’logħba li huma ddominaw kompletament filwaqt li anke Qormi Hockey Club A kienu ferm aħjar Floriana Ajax B tant li rebħu 7-1.

Mill-banda l-oħra, Sliema Inter Darts Club u Manchester Conquest Bar offrew logħba ferm eċitanti għalkemm kienu dawn tal-aħħar li rebħu bl-iskor ta’ 5-3.

Mill-kampjonat tat-tieni diviżjoni Ħamrun Bayern B u Qormi Hockey Club B ixxalaw hekk kif rebħu bi skors kbar ta’ 8-0 u 7-1 lil St Peter’s Band Club Birżebbuġa u Whyte Hart rispettivament.

Anke Fgura Darts B u Munchies Buġibba irreġistraw l-istess skor ta’ 6-2 kontra Top Gun Bar u Żurrieq FC rispettivament.

Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Tal-Ġilju Band Club għelbu lil Cox Bar bl-iskor ta’ 6-2, l-istess bħalma għamlu Beland’s Bull Eye kontra Mqabba FC.

St Paul’s Diamonds ma kellhomx logħba faċli kontra t-tim tan-nisa ta’ Education Bar għalkemm xorta rebħu bl-iskor ta’ 5-3. Fl-unika logħba bilanċjata tal-ġurnata, Qormi Hornets u Banda Birżebbuġa spiċċaw fi dro ta’ 4-4.

Sport