Saturday, April 27, 2024

“Il-familji u n-negozji se jkollhom l-opportunità li jgawdu l-Milied”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt intervista fuq One Radio, il-Prim Ministru qal li minkejja filwaqt li stati membri ferm akbar minn pajjiżna marru għal sorsi mill-enerġija li jniġġzu, pajjiżna irnexxielu jirrivolvi għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Abela sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel konferenza stampa u “fl-unika parti li ma kellux il-kliem miktub għalih”, meta mistoqsi qal li jekk il-prezzijiet jogħlew b’mod internazzjonali, jogħlew għal kulħadd. Hu

“Aħna Gvern li fl-aktar kriżijiet diffiċli, dejjem nagħżlu li nkunu man-nies u n-negozji…Aħna rridu nibqgħu nfittxu s-soluzzjonijiet. Mhux dejjem se jkunu faċli imma nsibuhom.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio dwar l-isfidi internazzjonali fil-prezz tal-enerġija.

“Il-Maltin jafu li fl-aħħar snin żammejna l-orħos kontijiet, ferm orħos minn dawk f’pajjiżi oħra u meta ġie mument ta’ diffikulta fl-eqqel tal-ewwel mewġa tal-pandemija raħħasna l-prezz tal-fuel.

Dan il-ħsieb jien ħadtu wkoll fuq livell internazzjonali. B’mod partikolari f’kuntest ta’ Kunsill Ewropew fejn iltqajna l-mexxejja kollha tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u din kienet waħda mill-ikbar issues li kellna fuq l-aġenda.  Bħalissa hawn waħda mill-ikbar pressjonijiet f’ħafna snin u kif rajna fil-pandemija, l-ebda pajjiż mhu eskluż mill-effetti ta’ kriżijiet ta’ dan il-kobor. 

Fl-istess ħin nemmen, u sħaqt li għandu jkun rikonoxxut kif kull pajjiż għandu ċirkostanzi speċifiċi.”

Il-Prim Ministru spjega wkoll li pajjiżna issa mar ukoll għal enerġija aktar nadifa meta hemm min għadu juża l-faħam. Minħabba r-realta’ differenti minn pajjiżi oħra għax pajjiżna għandu biss kumpanija waħda li tipprovdi l-enerġija, il-Prim Ministru saħaq li bħala Gvern irnexxielu jikkonvinċi lill-pajjiżi l-oħra biex fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ikun hemm referenza kontinwa għal dawn ir-realtajiet.

“Mhux se naċċetta li l-pressjoni internazzjonali ta’ żieda fil-prezzijiet naqbdu u nixħtuha fuq il-konsumatur qisu xejn mhu xejn,  kif kien isir fi gvernijiet oħra li kienu jgħidu rridu nidraw kontijiet għoljin u li qatt ma kienu se jerġgħu jorħsu.

Gvern Laburista raħħas dawn il-kontijiet u llum għandna fost l-irħas kontijiet fl-Unjoni Ewropea.”

Il-vaċċin huwa ċ-ċavetta

Rigward il-pandemija, Abela appella favur it-teħid tal-vaċċin u sostna li l-vaċċin huwa s-soluzzjoni. Huwa tkellem dwar diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew u tkellem dwar pajjiżi li għandhom persentaġġ ġmielu ta’ ċittadini li qed jirrifjutaw il-vaċċin b’rata għolja ta’ infezzjonijiet u mwiet. Il-Prim Ministru qal li għandna ġimgħat sbieħ ġejjin, iżda ċ-ċavetta biex dawn ikunu ta’ suċċess huwa l-vaċċin u b’hekk appella lil dawk kollha li jirċievu l-istedina għall-booster dose biex jaċċettawha biex inkomplu nieħdu ħsieb lil xulxin.

Aktar investimenti kbar f’pajjiżna

Tkellem ukoll dwar l-investiment ta’ aktar minn €8 miljun mill-kumpanija Seifert; investitur li telaq mix-xejn u li mhux biss ġie jinvesti f’pajjiżna, iżda jitkellem b’ċertu pożittività quddiem espansjoni bħal din imħabbra fl-aħħar jiem. Huwa sostna li l-messaġġ ta’ tama li pajjiżna baqa’ joffri matul pandemija wassal biex illum f’pajjiżna qed jiżdiedu l-ilmenti għax mhux jinsabu biżżejjed ħaddiema biex jaħdmu. Hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela qal li riżultat ta’ dan it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna, pajjiżna jinsab bl-anqas rata ta’ qgħad fl-istorja fejn għad hawn 1,257 persuna jirreġistraw għax-xogħol.

Il-messaġġ ta’ pajjiżna fil-COP26

Rigward is-Summit COP26 fi Glasgow, li għalih il-Prim Ministru se jkun qiegħed jattendi flimkien ma’ mexxejja oħra fil-jiem li ġejjin, Abela qal li l-messaġġ ta’ pajjiżna se jkun li Malta lesta li tagħmel il-parti tagħha dwar it-tibdil fil-klima. Abela qal li pajjiżna mexa għall-prattika u permezz tal-RRP; l-għotja ta’ flus mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea wara pjan ta’ rkupru mressaq minn pajjiżna li ġie mfaħħar ferm mill-President tal-KE Ursola Von der Leyen. Fakkar li pajjiżna għandu l-privileġġ ta’ sors enerġija nadifa bħalma hija x-xemx u b’hekk il-viżjoni ’l quddiem jeħtieġ tkun investiment bla preċedent f’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli bħalma huma l-panelli solari fost alternattivi oħra.

Gvern li miegħu taf fejn int

Dwar l-estimi tal-budget, il-Prim Ministru qal li l-prinċipju huwa li gvern Laburista jifhem li mhuwiex perfett u li lest li jilqa’ l-kritika filwaqt li jwettaq dak li jwiegħed. Huwa qal li kuntrarju għal dan, l-oppożizzjoni minflok tressaq il-proposti tagħha qiegħda tkompli tinfexx f’attakki partiġġjani.

Oppożizzjoni li kontinwament ħolqot l-inċertezzi

Rigward ir-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li ddeskriviet il-budget bħala “wieħed fl-arja”, Abela sostna li skont il-ħafna aġġettivi min-naħa tal-Oppożizzjoni, gvern Nazzjonalista ċertament kien imur għal budget t’awsterità li jissikka ċ-ċintorin u jgħakkes lin-nies. Huwa sostna li dan kien ifisser tkissir tal-fiduċja tan-nies u l-aptit tal-investiment. “L-għażla għalina kienet waħda ċara, li ninvestu fin-nies u nżommu l-moral għoli. Min-naħa l-oħra kellna Oppożizzjoni li fl-aħħar xhur beżżgħat bil-Moneyval, bil-FATIF, bil-Greylisting, imbagħad bdiet bl-elezzjoni u toħloq l-inċertezzi u tara kif tkisser l-magna ekonomika ta’ pajjiżna li dan il-gvern irnexxielu jipproteġi u jsaħħaħ”, tenna jgħid Abela.

L-interess nazzjonali 

Tkellem dwar il-mistoqsija kontinwa mill-midja tal-Partit Nazzjonalista dwar il-possibbilità ta’ elezzjoni bikrija. Sostna dwar l-interess nazzjonali u meta ġie biex jieħu din id-deċiżjoni kellu żewġ possibbilitajiet quddiemu.

“L-interess nazzjonali li mmorru għal elezzjoni bikrija biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli bit-taqbida interna biex jara min se jikkontrolla l-istamperija jew li nwettqu l-budget u li pajjiżna jkompli jiprogressa ’l quddiem? Għalija kienet faċli biex fil-ġimgħat li ġejjin, inkluż fil-perjodu tal-Milied, nagħtu l-opportunità lill-familji tagħna biex igawdu l-Milied fi spirtu ta’ għaqda Nazzjonali. Li n-negozji kemm f’Novembru kif ukoll fil-ġimgħat ta’ wara nħalluhom ibigħu u jagħmlu l-profitti tagħhom”, temm Abela.

Sport