Thursday, April 25, 2024

Deċiżjoni storika mill-Qorti Suprema Amerikana rigward l-abort

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fl-24 ta’ Ġunju li għadda, il-Qorti Suprema Amerikana spiċċat bħala t-tema prinċipali fuq il-media interrnazzjonali. Dan wara li din il-Qorti waqqgħet deċiżjoni li kienet ittieħdet 50 sena ilu fl-Istati Uniti fuq każ magħruf bħala ‘Roe kontra Wade’, deċiżjoni li kienet tat id-dritt lin-nisa Amerikani li jagħmlu abort fl-ewwel u fit-tieni trimestru (tliet xhur) tat-tqala.

Wara din id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema, madwar nofs l-Istati Amerikani diġà bdew, jew mistennija jibdew dalwaqt, idaħħlu restrizzjonijiet jew addirittura jwaqqfu l-operat tal-kliniċi li jwettqu l-abort. 13-il stat bdew jattivaw l’ hekk imsejħa ‘trigger laws’ li huma liġijiet li jkunu hemm, però, li ma jkunux qegħdin jiġu infurzati sabiex jibdew il-proċess sabiex jitneħħa l-abort.

Il-President Joe Biden, li minkejja li huwa Kattoliku prattikanti minn dejjem appoġġja l-abort — appoġġ li kemm-il darba ġabu fl-inkwiet mal-istess Knisja Kattolika — iddeskriva din id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema bħala ‘żball traġiku’.

Sadanittant, qegħdin isiru ħafna demostrazzjonijiet madwar l-Istati Uniti kollha, kemm minn dawk favur kif ukoll minn dawk kontra. Spikkaw slogans bħal ‘deċiżjoni illeġittima’ u ‘Qorti Faxxista’ minn dawk li huma favur l-abort u s-sodisfazzjon kważi isteriku ta’ dawk li huma kontrih.

Il-Qorti Suprema u l-kazż ‘Roe kontra Wade’

Permezz ta’ sentenza ta’ seba’ voti kontra tnejn, f’każ magħruf bħala ‘Roe kontra Wade’ — każ li kien instema’ fil-Qorti Suprema tal-Istati Uniti lura fl-1973 — din il-Qorti kienet tat id-dritt kostituzzjonali lin-nisa Amerikani sabiex itemmu t-tqala tagħhom taħt ċertu kundizzjonijiet.

Ta’ min jgħid li Jane Roe huwa isem fittizju li dik il-ħabta kien ġie użat sabiex tiġi protetta l-identità ta’ ċertu Norma McCorvey — mara Amerikana li kienet fetħet kawża kontra Henry Wade li kien il-Gvernatur ta’ Dallas, il-belt li fiha kienet tgħix McCorvey. McCorvey kienet qalet li kull mara għandha d-dritt li ttemm it-tqala meta u bil-mod li trid hi.

Minkejja li l-Qorti Suprema ma kinitx qablet ma’ McCorvey li hija għandha d-dritt li ttemm il-ħajja ta’ tarbija ġewwa ġufha kif trid hi, l-istess Qorti kienet ippruvat issib xi forma jew oħra ta’ kompromess. Kien għalhekk li din is-sentenza kienet tat id-dritt lin-nisa Amerikani li jtemmu it-tqala taghhom fl-ewwel tliet xhur tat-tqala, kif ukoll li jtemmu t-tqala anke fit-tieni tliet xhur tat-tqala b’ċertu kundizzjonijiet. Din is-sentenza kienet għamlet kull forma ta’ intervent waqt it-tielet trimestru tat-tqala bħala illegali.

Però, matul dawn l-aħħar 50 sena, fi 12-il stat madwar l-Amerka kien hemm ħafna deċiżjonijiet legali oħra li naqsu l-aċċess għall-abort ġewwa fihom.

Il-Qorti Suprema u l-każ ‘Dobbs kontra l-Women Health Organization’

Dan il-każ infetaħ fl-2018 minn xi għaqdiet favur id-drittijiet tan-nisa, sabiex jiġġieldu deċiżjoni tal-istat tal-Mississippi li jwaqqaf id-dritt tal-abort wara 15-il ġimgħa ta’ tqala. Ħames imħallfin ivvutaw favur id-deċiżjoni tal-istat filwaqt li tlieta vvutaw favur it-talba tan-nisa.

Din is-sentenza tal-Qorti Suprema se tkun qiegħda twaqqaf id-dritt kostituzzjonali li s-sentenza tal-1973 kienet tat lin-nisa Amerikani li jtemmu t-tqala b’ċertu kundizzjoni, mhux biss fil-Mississippi iżda madwar l-Istati Uniti kollha. Issa, kull stat irid jiddeċiedi fil-qrati tiegħu jekk għandux jitneħħa l-abort minħabba li m’għadux marbut bil-kostituzzjoni li jżomm l-abort.

Esponenti ewlenin tal-Partit Demokratiku, fosthom Nancy Pelosi, l-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, ikkritikaw bl-aħrax din id-deċiżjoni. Dawn akkużaw lil din il-Qorti li hija: “Il-wirt li ħalla warajh Donald Trump” wara li skont huma ġiet mimlija b’ġudikanti konservattivi bħall-Prim Imħallef tagħha, John Roberts, sabiex “iwettqu l-ħolma tal-Partit Repubblikan li jneħħi l-abort”.

Id-dritt tal-abort u l-kostituzzjoni Amerikana

L-għaqdiet ta’ kontra l-abort kienu ilhom snin twal ġustament jgħidu li fil-Kostituzzjoni Amerikana ma kien hemm l-ebda klawsola li tagħti d-dritt tal-abort. L-abort kien sar biss dritt kostituzzjonali, kif diġà għedna, fis-snin 70, wara li mħuħ legali kienu daru mal-liġijiet u għaddewh bħala dritt għall-privatezza tan-nisa.

Meta kienu jkunu kkonfrontati b’dan l-agument, dawk l-għaqdiet favur l-abort kienu jsostnu li l-kostituzzjoni ġiet miktuba minn irġiel biss u hija kontra l-ugwaljanza tal-ġeneru.

Kif sejrin iġibu ruħhom l-istati?

Naturalment, mhux ġewwa kull stat hemm l-istess opinijoniet rigward l-abort. Ħafna drabi l-istati li jxaqilbu lejn il-Partit Demokratiku huma favur l-abort filwaqt li dawk li ġewwa fihom hemm maġġoranza Repubblikana huma kontra.

Għalhekk, ġewwa ċetu stati bħal Pennsylvania, Michigan u Wisconsin fejn l-elettorat huwa maqsum nofs bin-nofs fl-appoġġ lejn iż-żewġħ partiti l-kbar, id-dritt għall-abort jaf jinbidel minn elezzjoni għall-oħra, skont min joħroġ rebbieħ. 

Stati oħra bħal Kalifornja u n-New Mexico diġà qalu li sejrin jaraw kif jagħmlu sabiex dan il-dritt tan-nisa ma jintilifx filwaqt li stati oħra bħal Missisippi qalu li sejrin jibqgħu jaħdmu sakemm l-abort jisparixxi kompletament minn madwar l-Istati Uniti kollha.

L-aktar xenarju probabbli fil-futur qarib huwa li sejrin ikollna stati li fihom l-abort jibqa’ legali u oħrajn fejn ma jkunx jista’ jsir. Għalhekk mistennija jinħolqu ħafna battibekki legali jekk mara li tgħix ġewwa stat li fih ma jkunx jista’ jsir l-abort tistax tmur tagħmlu ġewwa stat ieħor jew jekk mara tistax tirċievi pilloli li jtemmu l-ħajja tal-fetu bil-posta ġewwa stati fejn l-abort ma jkunx jista’ jsir. Sa ċertu punt wieħed jista’ jgħid li dawn in-nisa diġà twebblu minn ħadd hlief Joe Biden sabiex jagħmlu hekk. 

Dan jista’ jfisser eskalazzjoni fil-battibekki kontinwi ta’ bejn Joe Biden u l-Knisja Kattolika. Ta’ min ifakkar li matul il-kampanja għall-Elezzjoni Presidenzjali li għaddiet, Biden ġie umiljat meta ma ngħatax is-sagrament tat-tqarbin waqt quddiesa proprju minħabba li huwa favur l-abort.

Sport