Saturday, December 21, 2024

“Dejjem kont seren għax naf li minn dak li nkiteb ma kien hemm xejn u ma hemm xejn”- id-Deputat Laburista Carmelo Abela

Aqra wkoll

“Fdawn it-tliet snin u nofs dejjem kont seren għax naf li minn dak li nkiteb u li kien qed jintqal fil-konfront tiegħi ma kien hemm xejn u ma hemm xejn.” Iddikjara dan id-Deputat Laburista Carmelo Abela fil-ħin tal-aġġornament fejn tkellem dwar is-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Maġistrati li sabet lill-Avukat Jason Azzopardi ħati li mmalafamah meta f’post fuq Facebook implika li kien kompliċi fl-attentat ta’ hold-up fuq il-bank HSBC. 

Abela stqarr li huwa kien fetaħ kawża ta’ libell b’mod immedjat wara “kitba giddieba” fejn fid-9 ta’ April 2021, l-Avukat Azzopardi – li ddeskrivieh bħala persuna privileġġjata f’pajjiżna – ħoloq “kalunja u gidba” fil-konfront tiegħu. Qal li nhar it-30 ta’ Settembru 2024, il-Qorti tal-Maġistrati kellha l-kuraġġ li tagħti sentenza kif kien jixraq fil-konfront ta’ Jason Azzopardi tal-malafama fil-konfront tiegħu. 

Abela qal ukoll li dawn l-aħħar snin kien hemm persuni li komplew jonfħu din il-kalunja, kemm uħud fil-Parlament kif ukoll barra. Qal li: “dawn il-ħbieb u akkolti ta’ Jason Azzopardi, bis-sentenza tal-Qorti ta’ ġimgħa ilu ġew ippruvati li huma skorretti bil-kbir u li m’għandhomx mis-sewwa u li lanqas għandhom interess li jkunu jafu l-fatti u l-verità”.

Saħansitra qal li kien hemm min spekula fil-midja soċjali li huwa kien se jwaqqaf il-libell li kien fetaħ. Qal li dan m’għamlux u b’wiċċu minn quddiem jista’ jgħid li fit-30 ta’ Settembru li għadda ngħata raġun mill-Qorti tal-Maġistrati. 

Abela tenna wkoll li hawn min jaħseb li għandu dritt jaqbad u jfajjar kliem bl-addoċċ anke jekk ma jkollu l-ebda fatti f’idejh u minn fuq jitlob protezzjoni wkoll. U kien hawn fejn staqsa x’misshom jagħmlu dawk li jkunu qegħdin isofru minn din l-azzjoni.

Huwa temm jirringrazzja lil martu, l-uliedu u lill-ġenituri tiegħu, illi kienu ta’ appoġġ kbir għalih f’dawn it-tliet snin u nofs. Żied jirringrazzja lil sħabu u lill-kostitwenti tat-Tielet Distrett elettorali li meta ġiet l-elezzjoni ta’ Marzu 2022 urew il-fiduċja tagħhom fih billi għas-seba’ darba konsekuttiva tawh il-privileġġ li jirrappreżentahom f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Huwa radd ħajr ukoll lill-Avukat Pawlu Lia tal-assistenza tiegħu f’din il-kawża ta’ libell. 

Ekonomija

Sport