Friday, February 21, 2025

“Din hija opportunità tad-deheb biex ikompli miexi fit-triq li qabad”

Probation minflok sena ħabs dwar pussess ta' droga

Aqra wkoll

Nathan Agius, ta’ 30 sena kellu s-sentenza ta’ sena ħabs li kien ingħata mill-Qorti tal-Maġistrati mibdula għal waħda ta’ probation wara li appella mis-sentenza. Hu xorta waħda nstab ħati li fil-pusses tiegħu d-droga ecstacy mhux għal użu esklussiv tiegħu.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appella qalet li fiċ-ċirkostanzi piena ta’ priġunerija mhijiex il-piena ideali minħabba li huwa jeħtieġ l-għajnuna u jrid jieħu dik l-għajnuna kollha li tkun indikata lilu mill-Uffiċjal tal-Probation, inkarigat biex isegwih għal ġid tiegħu biex ma jerġax jaqa’ fil-vizzju tad-droga.

Hu kien akkużat ukoll li fil-pussess tiegħu kellu droga kokaina u cannabis, iżda ma nstabx ħati ta’ dawn l-akkużi.

Agius kien ġie arrestat fit-2 ta’ Marzu tal-2014 għall-ħabta tat-8.00pm meta kien għadu kemm wasal Paceville. Iżda meta kien għadu fil-parkeġġ ġie mwaqqaf mill-pulizija. Wara li kienet saret tfittxija fuqu nstabu li kellu 24 pillola blu li kienet suspettata li kienet ecstasy. Hu kien qal lill-pulizija li dawn kienu għall-użu personali tiegħu.

Fl-appell ir-raġel qal li l-Prosekuzzjoni naqset milli tressaq provi konvinċenti li d-droga li nstabet fuqu ma kinix għal użu personali tiegħu.

Argumenta li mill-provi mressaq mill-Prosekuzzjoni ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li hu kien se jittraffika din id-droga u lanqas ma ħadulu l-mobile tiegħu biex jaraw jekk kienx qiegħed jitkellem ma’ xi persuni biex jitraffika d-droga. Lanqas ma saret tfittixija fid-dar tiegħu jew inkella f’vettura oħra li hija tiegħu.

Kien għalhekk li sostna li l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti kienet waħda eċċessiva.

Min-naħa tiegħu l-Imħallef Neville Camilleri li sema’ l-appell qal li l-Qorti ma tistax ma tinnotax ukoll in-natura tar-reat fil-konfront tal-appellant li ġie ppruvat, il-fedina penali li hija waħda kompletament nadifa u l-fatt li l-akkużi fil-konfront tiegħu u li saru fl-2014 u ż-żmien li ħadu l-proċeduri.

Wara li rat il-provi kollha mill-ġdid, il-Qorti tal-Appell qalet li “ikun ta’ benefiċċju jekk filwaqt li jibqa’ għaddej b’ħajtu kif inhi llum il-ġurnata, l-appellant ikun sorveljat għal xi żmien sabiex wieħed jassigura ruħu li huwa jibqa’ astinenti minn kull tip ta’ sustanza illeċita. Minn aspett ta’ stil ta’ ħajja, jinħass biss il-bżonn li jkun gwidat u mogħti s-sapport neċessarju sabiex jibqa’ fuq it-triq it-tajba u jkompli jagħmel l-aħjar għażliet.”

Kien għalhekk li l-Qorti filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi li kien diġà nstab ħati dwarhom, biddlet is-sentenza minn waħda ta’ priġunerija għal waħda ta’ probation “bit-tama li Agius jibqa’ jimxi fit-triq it-tajba li jidher li mixi fiha u jingħata opportunità tad-deheb biex jevita li jerġa’ jaqbad l-istess triq li kien fiha.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport