Wednesday, April 24, 2024

Diskussa l-iskema ta’ għajnuna finanzjarja għal proġetti fil-lokalitajiet favur il-Ħarsien tal-Annimali

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, kellhom laqgħa informattiva ma’ rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex.

L-għan tal-laqgħa kienet biex tiġi diskussa l-iskema allokata mill-Gvern lill-Kunsilli Lokali, biex ikunu jistgħu jwettqu proġetti favur is-saħħa u l-ħarsien tal-annimali fi ħdan il-kommunitajiet rispettivi tagħhom.

Il-laqgħa serviet ukoll ta’ opportunita biex is-Sindki u l-Kunsilliera preżenti jagħtu l-fehmiet tagħhom, dwar kif din l-iskema għandha tiġi estiża. Bħala parti mill-ħidma li qegħda ssir taħt l-Istrateġija ta’ Riforma fi ħdan id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, din il-konsultazzjoni ser isservi biex l-iskema tkompla tiżviluppa u tħalli l-frott mixtieq.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet fuq il-bżonn ta’ għaqda u djalogu kontinwu bejn il-Gvern u l-pubbliku. “Biex verament nieħdu ħsieb l-annimali tagħna u ta’ madwarna, irridu li l-Gvern, id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, is-settur tal-volontarjat u l-poplu kollu, ningħaqdu flimkien biex naħdmu fuq l-istess viżjoni, u favur l-istess għan aħħari.”

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet li, bħala parti minn din ir-riforma, il-Gvern qiegħed jiddiskuti u jqis il-fehmiet u l-esperjenzi ta’ diversi esponenti, fosthom il-Kunsilli Lokali.

“Flimkien, ser inkomplu nassiguraw li l-annimali kollha f’pajjiżna jibqgħu jgawdu minn l-aqwa ħarsien.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat li wieħed mill-ħafna responsabbiltajiet tal-Kunsilli Lokali huwa l-ħarsien u d-drittijiet tal-annimali fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. “Permezz ta’ din il-laqgħa informattiva smajna dirett mingħand il-Kunsilli Lokali u l-animal stewards sabiex ikunu huma stess li jinfurmawna bil-bżonnijiet u l-isfidi li għandna nittrattaw, sabiex kemm jista’ jkun l-annimali jgħixu ħajja komda u f’ambjent nadif”, saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Sport