Thursday, April 18, 2024

Diskussjoni mal-Kumitat għas-Soċjetà Ċivili dwar is-servizz tat-trasport pubbliku

Aqra wkoll

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u s-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali ltaqgħu mal-Kumitat għas-Soċjetà Ċivili (CSC) fi ħdan l-MCESD biex jiġu diskussi l-proposti tagħhom għat-titjib tas-servizz ta’ tal-linja f’pajjiżna.

Fid-dawl li s-servizz tat-trasport pubbliku qed jingħata bla ħlas, u b’hekk id-domanda għalih qed tiżdied kuljum, u fid-dawl li l-Ministeru għat-Trasport flimkien mal-operatur u r-regolatur beda jħares lejn ir-rotot, il-frekwenzi u l-ammont ta’ vetturi li l-pajjiż għandu bżonn biex il-poplu jkollu għażla reali bejn l-użu tal-karozza u tat-trasport tal-massa, ingħata bidu għal-laqgħat ma’ numru ta’ imsieħba biex jiġu diskussi l-bidliet li hemm bżonn.

Il-Kumitat għas-Soċjetà Ċivili fassal numru ta’ proposti maħsuba għat-titjib fis-servizz u dawn il-proposti, flimkien ma’ ġabra ta’ esperjenzi u suġġerimenti ewlenin tal-pubbliku, ġew ippreżentati lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.  

Il-Ministru Aaron Farrugia nnota b’mod pożittiv l-aħbar li l-MPT laħqet mal-50 miljun passiġġier fl-2022, u b’hekk kisret ir-rekord tagħha stess ta’ numru ta’ passiġġieri tal-2019. Huwa nnota wkoll li l-MPT rat żieda ta’ 40% s-sena li għaddiet meta kkumparat mas-sena preċedenti. 

“Huwa ta’ sodisfazzjon għall-gvern li jara li l-miżuri mħabbra bdew anke iħallu l-effett tagħhom, hekk kif il-Gvern investa miljuni ta’ ewro f’tal-linja b’xejn,” tenna l-Ministru Farrugia. Huwa spjega li beda l-proċess biex issir l-eletrifikazzjoni tal-flotta u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet, kif ukoll beda eżerċizzju li permezz tiegħu se jkun qed jesplora żieda u bidliet fir-rotot u l-frekwenzi flimkien ma’ żieda fil-bus lanes.

“Dan se jfisser investiment ikbar minn naħa tal-gvern iżda dan hu l-mod biex noffru alternattiva tajba u reali għal min lest li jieqaf juża l-karozza u jibda juża t-trasport pubbliku. Illum qed niltaqgħu mal-kumitat u issa se niltaqgħu ma’ iktar stakeholders fil-pajjiż biex dawn il-bidliet li se nagħmlu jkollhom it-timbru tal-ħafna,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Minn-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul faħħar l-inizjattiva tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili mhux biss għaliex studjaw sew dan is-settur, iżda għaliex meta fasslu l-proposti tagħhom taw ukoll widen lill-pubbliku.

“Nemmen li dan huwa l-mod u l-mudell ta’ kif id-djalogu soċjali f’pajjiżna jrid jitħaddem. Li nisimgħu n-nies u r-rakkomandazzjonijiet, u fejn nemmnu li t-tali rakkomandazzjoni hija tajba, il-gvern jimplimentaha,” sostna s-segretarju parlamentari. Huwa żied jgħid li bħalissa l-gvern qiegħed jaħdem fuq ir-riforma tal-MCESD u ċertament li din il-prattika ser tkun parti mill-funzjonijiet tal-Kunsill.
Preżenti għal-laqgħa tal-lum kien hemm ukoll rappreżentati minn Transport Malta (TM) bħala r-regolatur u l-Malta Public Transport (MPT) l-operatur sa mill-2014. Din kienet ukoll l-ewwel laqgħa tal-Perit David Xuereb bħala ċ-Chairman il-ġdid tal-MCESD.

Ekonomija

Sport