Tuesday, April 30, 2024

Donald Trump akkużat li poġġa fil-periklu lill-viċi president meta riedu jħassar ir-riżultat tal-elezzjoni

Aqra wkoll

Panel tal-Kungress Amerikan sema kif l-eks President Amerikan Donald Trump poġġa lill-Viċi President tiegħu Mike Pence fil-periklu waqt l-irvell fuq Capitol Hill hekk kif illegalment ippressah biex iħassar l-elezzjoni tal-2020 li fiha kien elett Joe Biden bħala President.

Waqt dan is-smigħ, assistenti ta’ Pence iddeskrivew l-isforzi u l-pressjoni li saru mill-White House biex tkun rifjutata ir-rebħa tal-President Joe Biden.

“Iżda dakinhar, id-demokrazija tal-Istati Uniti reżistiet dak li ried Trump billi Mike Pence irrifjuta li jbaxxi rasu għal Donald Trump” qal iċ-chairman tal-panel tal-Kungress, Bennie Thompson.

Il-kumitat magħżul akkuża lil Trump b’attentat ta’ kolp ta’ stat biex huwa jibqa’ fil-poter.

Partitarji ta’ Trump fis-6 ta’ Jannar 2021 kienu attakkaw b’mod vjolenti il-Capitol u daħlu fil-Kungress  fi sforz biex ifixklu ċ-ċertifikazzjoni tar-rebħa elettorali ta’ Joe Biden.

Trump sejjaħ dan il-panel bħala “qorti tal-kangaroos” maħsuba biex taljena lill-Amerikani mid-“diżastru” tal-governanza Demokratika qabel l-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu ta’ Novembru.

Nhar il-Ħamis, il-kumitat immexxi mid-Demokratiċi ffoka fit-tielet smigħ pubbliku fuq il-proċess kostituzzjonali li bih jiġu eletti l-presidenti.

Donald Trump kien għamel it-talba pubblika – meqjusa falza mill-istudjużi legali u l-avukati li qed jgħinu lil Pence – li l-viċi presidenti għandhom is-setgħa li jwaqqfu ċ-ċertifikazzjoni tal-Kungress tal-elezzjoni.

Greg Jacob, dak iż-żmien avukat ta’ Mike Pence fisser li “l-analiżi tat-test, l-istorja u s-sens komun biss” jikkonferma li l-Viċi President ma kellux l-awtorità li jdawwar ir-riżultati tal-elezzjoni.

Żied jgħid li ma kien hemm ebda mod li juri li l-Fundaturi tal-Amerika lura fis-Seklu 18 poġġew persuna waħda – partikolarment mhux persuna li kellha interess dirett fir-riżultat – fi rwol li jkollha impatt deċiżiv fuq l-eżitu tal-elezzjoni.

Michael Luttig, eks imħallef konservattiv u assistent informali ta’ Pence qal li kieku l-viċi-president kien segwa l-ordnijiet ta’ Trump “kien idaħħal lill-Amerika f’dak li kien ikun ekwivalenti għal rivoluzzjoni fi ħdan kriżi kostituzzjonali fl-Amerika” .

Sport