Dritan Korsita, Albaniż ta’ 32 sena ammetta li pprova jsiefer lejn l-Irlanda b’katra tal-identità Belġjana falza.
Il-Prosekuzzjoni li tmexxiet mill-Ispettur Lara Butters spjegat quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil li l-akkużat kien arrestat l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fil-21 ta’ Awwissu li għadda, wara li l-pulizija li kienu stazzjonati l-ajruport kienu ċemplulha biex jispjegawlha li kien hemm passiġġier li qed jipprova jsiefer minn Malta b’dokument falsifikat.
Korsita fil-Qorti filwaqt li ammetta l-akkużi kollha kontrih qal li hu jaħdem fl-air conditioners.
Il-prosekuzzjoni qalet li f’każi bħal dawn, pussess ta’ dokument tal-identità jew passaport falz huwa reat serju mhux biss għas-sigurtà ta’ Malta iżda wkoll għal pajjiżi oħrajn. Qalet li qed tirrakkomanda piena ta’ priġunerija effettiva, imma l-Ispettur qalet li l-akkużat ikkopera mal-pulizija, anki dwar minn fejn xtara d-dokument.
L-akkużat qal lill-Pulizija li kien xtara l-karta tal-identità mill-Albanija u dak li xtrah minn għandu diġà neħħa l-evidenza kollha.
Il-Prosekuzzjoni kkonfermat ukoll li l-fedina penali tiegħu hija netta f’Malta.
L-avukat difensur qal li l-mottiv m’huwiex serju u kull darba li jsiefer b’dokument falz, ma jużax id-dokument biex jibqa’ fil-pajjiż fejn mar, fosthom anki fi Spanja u lejn destinazzjonijiet oħrajn, u ma kienx hemm xi element ta’ ħażen f’dak li għamel.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, ikkundannat lill-akkużat għall-piena ta’ tmien xhur priġunerija effettivi.
