Friday, December 27, 2024

€2 miljun fuq sentejn għas-suldati bħala kumpens finanzjarju għax-xogħol li jwettqu fl-extra duties

Aqra wkoll

Fl-aħħar snin daħlu fis-seħħ numru ta’ ftehimiet kollettivi li qed ikomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol flimkien ma’ salarji aħjar għall-ħaddiema kollha tal-Korpi Dixxiplinati, li huma pilastru ewlieni fis-setturi tas-sigurtà ta’ pajjiżna.

Waħda mill-prinċipji ewlenin li daħlu fis-seħħ permezz ta’ dawn il-ftehimiet kienet li kull ħaddiem ikun kumpensat b’mod finanzjarju għas-sigħat maħduma wara l-40 siegħa, apparti żidiet f’benefiċċji oħra. Dawn il-ftehimiet setgħu jkunu possibbli wkoll permezz ta’ djalogu soċjali ħaj, anke wara li għall-ewwel darba l-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati ngħatalhom id-dritt li jkollhom union li tirrapreżentahom.

Fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, illum kien iffirmat ftehim ieħor bejn il-Gvern, il-Forzi Armati ta’ Malta u l-General Workers Union. Dan ifisser investiment ta’ ’l fuq minn €2 miljun fuq sentejn għas-suldati kollha mill-grad ta’ Maġġur sa Gunner, u dan bħala kumpens finanzjarju għax-xogħol li jwettqu fl-extra duties.

Dan l-aġġustament joħroġ minn klawsola ta’ reviżjoni fil-ħlas tal-extra duty wara l-ewwel ftehim settorjali tax-xorta tiegħu għas-suldati tal-Forzi Armati.

Il-Ministru Byron Camilleri tenna kif il-Gvern qed jibqa’ jonora kull klawsola ta’ kull ftehim kollettiv iffirmat fl-aħħar snin. Hu saħaq kif qed ikunu investiti ’l fuq minn 15-il miljun ewro fis-sena għal ħames snin, għall-ħamest elef ħaddiem, li jservu fil-pulizija, fis-sistemi korrettivi, fil-protezzjoni ċivili u fil-forzi armati.

Minister for Home Affairs, Security, Reforms and Equality Byron Camilleri presides over the signing of an agreement between the Armed Forces of Malta (AFM) and the General Workers’ Union (GWU) Conference Room, Armed Forces of Malta Barracks, Luqa

Il-ministru spjega wkoll kif l-ewwel ftehim kien sar għall-Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, li mbagħad l-proċess segwa għal kull korp dixxiplinat ieħor. Kompla li għaldaqstant, hekk kif dis-sena jgħaddu l-ħames snin stipulati fil-ftehim għall-Pulizija, iħares ’il quddiem biex ikun konkluż ukoll ftehim ġdid għal salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-istess pulizija.

Il-Ministru Camilleri tenna s-sodisfazzjoni tiegħu hekk kif b’mod usa’, fl-aħħar snin kienu ssiġillati tmien ftehimiet kollettivi fi ħdan il-ministeru, bi tlieta oħra fi stadju avvanzat li jkunu konklużi għall-benefiċċju tal-ħaddiema kollha. “Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Gvern hu kommess li ma jieqafx jinvesti fil-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati biex Malta tibqa’ pajjiż sigur, b’servizz aħjar għan-nies,” temm jgħid il-Ministru Camilleri

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-General Workers Union tat-Taqsima tal-Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi, is-Sur Theo Vella, qal li l-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati, bħal ma huma s-suldati, jistħoqqilhom kumpens finanzjarju sostenibbli għax-xogħol li jwettqu. “Żieda addizzjonali ma’ dak diġà miksub tliet snin ilu, se jkompli jsaħħaħ il-pakkett finanzjarju tas-suldati tagħna. Fil-fatt, fis-snin 2023 u 2024 il-ħlas għall-extra duty se jiżdied b’madwar 17%,” tenna s-Sur Vella.

Preżenti wkoll għal dan l-iffirmar kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union u l-Kap tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Sur Thomas Woods.

Ekonomija

Sport