L-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima (CAA), fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (MEER), nediet EcoTrack, pjattaforma li għall-ewwel darba tiġbor f’sistema waħda d-data dwar il-konsum tal-elettriku u tal-ilma f’binjiet pubbliċi, kif ukoll dwar il-flotta tal-vetturi tal-Gvern.
Għadd ta’ entitajiet pubbliċi diġà ttestjaw il-pjattaforma, bir-riżultati jiġu ppreżentati waqt il-Forum tas-Segretarju Permanenti, immexxi mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u li għalih attendiet ukoll il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli.
EcoTrack toffri sistema ċentralizzata li tipprovdi stampa ċara ta’ fejn qed jintużaw l-enerġija u r-riżorsi, u tidentifika fejn dawn jistgħu jintużaw b’mod aktar effiċjenti. Il-pjattaforma ġiet żviluppata fil-qafas tal-inizjattiva tal-Gvern “Leading by Example”, b’appoġġ għall-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECP). Wara l-ewwel fażi ta’ ttestjar minn għadd ta’ entitajiet pubbliċi, ir-roll-out sħiħ tagħha fis-settur pubbliku se jibda din is-sena.
EcoTrack tinkludi wkoll gwida apposta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, imfassla madwar iċ-ċiklu Plan-Do-Check-Act, użat fl-istandards internazzjonali għall-immaniġġjar tal-enerġija u tal-ambjent (ISO). Din il-gwida tipprovdi lil kull entità, irrispettivament mil-livell ta’ għarfien tekniku tagħha, bi proċess ċar biex tidentifika l-akbar sorsi ta’ konsum tal-enerġija u tieħu l-passi meħtieġa biex tindirizzahom.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif permezz ta’ EcoTrack, id-data se tkun fil-qalba tal-mod kif il-Gvern jimmaniġġja l-enerġija u l-konsum tar-riżors. “Permezz ta’ EcoTrack qed inpoġġu d-data fiċ-ċentru tal-mod kif il-Gvern jimmaniġġja l-konsum tal-enerġija u r-riżorsi. Għall-ewwel darba, id-data dwar l-elettriku, l-ilma u l-flotta tal-Gvern qed tinġabar f’sistema waħda, li tagħti lill-entitajiet stampa aktar ċara ta’ fejn qed jintużaw ir-riżorsi u fejn jista’ jkun hemm aktar effiċjenza. Dan huwa dak li jfisser li nagħtu l-eżempju: li nipprovdu lill-entitajiet pubbliċi bl-għodod u l-għarfien meħtieġa biex inbiddlu l-ambizzjonijiet tagħna għas-sostenibbiltà f’azzjoni konkreta u nkomplu nibnu settur pubbliku aktar effiċjenti u reżiljenti għall-klima,” qalet l-Ministru Dalli.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, qal li huwa importanti li s-Settur Pubbliku mhux biss jagħti servizzi ta’ kwalità għolja lill-klijenti tiegħu, iżda jkun ukoll leader f’oqsma li jolqtu direttament lill-poplu Malti u Għawdxi, bħalma hu l-użu effiċjenti tal-enerġija. “L-amministrazzjoni pubblika se tibqa’ fuq quddiem biex timplimenta t-titjib meħtieġ u tmexxi bl-eżempju.”
L-Inġ. Abigail Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-CAA stqarret, “EcoTrack qed jagħtina, għall-ewwel darba, stampa ċara ta’ kif il-bini tal-Gvern juża l-elettriku, l-ilma u l-fjuwil. Ma tistax timmaniġġja dak li ma tkejjilx u mhux qed nitolbu lil ħadd jagħmel xi ħaġa li aħna stess għadna ma bdejniex nagħmlu. Dan huwa s-settur pubbliku li qed jilħaq l-istess standard li se nkunu qed nixtiequ li jasal għalih kulħadd.”
Ladarba tiġi stabbilita d-data bażika, l-entitajiet parteċipanti jsegwu l-konsum tagħhom stess, iqabblu l-prestazzjoni tagħhom ma’ bini simili, u jagħtu prijorità lill-miżuri bl-akbar benefiċċju finanzjarju u ambjentali. Is-CAA tistenna li EcoTrack jgħin ukoll lil dawk l-entitajiet li jixtiequ jimxu lejn ċertifikazzjoni formali fl-immaniġġjar tal-enerġija jew tal-ambjent.
Kull entità pubblika għandha rwol x’taqdi biex jitnaqqas l-impatt ambjentali ta’ Malta, u din il-ħidma trid tibda mill-Gvern innifsu.
