Malta tilqa’ r-rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO)

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili jilqa’ b’sodisfazzjoni r-rapport tal-ewwel evalwazzjoni tematika bit-titlu, Building Trust by Delivering Support, Protection and Justice tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO) tal-Kunsill tal-Ewropa li jikkonferma l-impenn biex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni, is-sapport u l-ġustizzja għall-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

Ir-rapport jinnota b’sodisfazzjoni l-progress li sar dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) f’Malta. GREVIO jirrikonoxxi li saru riformi leġislattivi u istituzzjonali sinifikanti, kif ukoll fl-adozzjoni konsekuttiva u l-implimentazzjoni tat-tliet Strateġiji Nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika li huma allinjati mal-erba’ pilastri tal-Konvenzjoni. 

B’mod partikolari, GREVIO faħħar l-investiment finanzjarju li sar fis-settur, it-tisħiħ tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, u l-koordinament bejn l-entitajiet permezz tal-Kumitat Interministerjali u l-introduzzjoni tal-Multi Agency Risk Assessment Meeting (MARAM). L-istabbiliment ta’ hubs speċjalizzati dwar vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ġie deskritt bħala żvilupp partikolarment sinifikanti għaliex qawwa l-fiduċja ta’ bosta vittmi fl-istituzzjonijiet u għen biex jiżdied ir-rapportar tal-vjolenza domestika.

Ġew ukoll osservati l-implimentazzjonijiet ta’ miżuri ta’ protezzjoni u sapport li jmorru lil hinn mill-vjolenza domestika imma li jenfasizzaw forom differenti ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż il-vjolenza u l-fastidju sesswali, stalking, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, żwieġ sfurzat, il-vjolenza ffaċilitata mit-teknoloġija u l-femiċidju. Intant, ġie rikonoxxut ukoll il-mod innovattiv li bih qegħdin jiġu implimentati kampanji ta’ għarfien, miżuri ta’ edukazzjoni preventiva, u taħriġ għall-professjonisti. L-inklużjoni wkoll ġiet meqjusa bħala pass pożittiv permezz ta’ miżuri li jikkunsidraw persuni li jistgħu jesperjenzaw forom differenti ta’ diskriminazzjoni. 

Il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili jirrikonoxxi wkoll id-diversi rakkomandazzjonijiet li saru sabiex Malta tkompli ssaħħaħ r-rispons tagħha kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika bħala parti minn proċess kontinwu ta’ progress u implimentazzjoni ta’ riformi neċessarji. Malta wkoll implimentat diversi miżuri sabiex jiġu indirizzati punti preżentati fir-rapport, li tqajmu l-ewwel darba meta delegazzjoni ta’ esperti tal-GREVIO żaret pajjiżna f’Ottubru 2025. Dawn jinkludu avvanzi relatati mas-servizzi tal-vjolenza sesswali, inkluż xiri ta’ rape kits u sexual assault pathway fl-Isptar Mater Dei,  l-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Qorti tal-Familja, u żviluppi relatati ma’ ġbir ta’ data fis-sistema ġudizzjarja. 

Malta tibqa’ kommessa li ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika u li timplimenta l-Konvenzjoni ta’ Istanbul bl-aktar mod effettiv. Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika jiksru d-drittijiet tal-bniedem u dan huwa inaċċettabbli. Għaldaqstant, Malta se tibqa’ taħdem mal-partijiet konċernati, inkluż il-Kunsill tal-Ewropa u l-għaqdiet mhux governattivi, biex tibni fuq il-progress miksub u tiżgura rispons koordinat li jżomm lil vittmi fiċ-ċentru tal-ħidma kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport