“Il-proġett ta’ estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza l-Isptar Mater Dei fi ħdan il-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi u li jaqa’ taħt il-Ministeru tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa, l-Onorevoli Ian Borg, huwa l-ikbar proġett ta’ tkabbir li qatt sar minn metanfetaħ l-Isptar Mater Dei”.
Iddikjara dan il-Kap Eżekuttiv għas-Servizzi Mediċi Dr Robert Xuereb f’intervista ma’ dan il-ġurnal, hekk kif bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal-estenzjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, li qed isir b’investiment ta’ €120 miljun. Dr Xuereb sostna li dan il-proġett se jkabbar il-binja tal-Emerġenza tal-Isptar u se jirdoppja l-ispazju għall-pazjenti.
Dan ifisser li l-għadd ta’ kmamar tal-kura t’emerġenza se jiżdiedu minn 35 għal 70, bi tqassim maħsub biex itejjeb l-effiċjenza operattiva tad-Dipartiment. Irrimarka wkoll li l-binja l-ġdida se tinkludi uffiċini ġodda, spazji għal-laqgħat u t-taħriġ, kmamar fejn il-ħaddiema jkunu jistgħu jbiddlu, u servizzi tal-istaff oħra
Ma’ dan il-ġurnal, Dr Xuereb enfasizza li permezz ta’ dan il-proġett, il-Fondazzjoni qed tintroduċi unità ġdida għall-kura akuta tas-saħħa mentali, fejn irrefera għaliha bħala ‘game changer’.
“B’dan il-proġett, il-pazjenti li jkollhom bżonn servizz ta’ kura psikjatrika, jinqdew l-Isptar Mater Dei flok l-Isptar Monte Karmeli. B’hekk inkunu qed ngħaqqdu flimkien il-kura tas-saħħa fiżika ma’ dik mentali, bħala żewġ aspetti fundamentali għall-benessere tal-persuna, lejn servizz tas-saħħa aktar komprensiv.”
Semma li l-unita’ l-ġdida għall-kura akuta tas-saħħa mentali se jkollha għadd ta’ swali, b’kapaċita’ totali ta’ 135 sodda għal kura tal-ogħla livell, kif ukoll ġnien terapewtiku mfassal apposta biex il-pazjenti jkollhom ambjent trankwill li jgħinhom jirpiljaw.
Matul din l-intervista, ma’ Dr Xuereb tkellimna wkoll fuq in-numru 1400 u jekk dan huwiex qed jgħin biex jtaffi l-pressjoni fuq l-emerġenza. Dwar dan, Dr Xuereb saħaq biex dawk li ma jkunux ċerti jekk għad-diffikultajiet mediċi tagħhom jeħtieġux assistenza ta’ emerġenza, għandhom l-ewwel iċemplu fuq il-helpline 1400, disponibbli 24 siegħa kuljum.
Permezz ta’ dan is-servizz, wieħed jista’ jitkellem ma’ professjonisti tas-saħħa b’esperjenza, u jiggwidawk lejn l-aktar post fejn tista’ tirċievi l-kura bl-aktar mod sigur fl-inqas żmien possibbli. Dan għaliex jista’ jkun hemm faċilitajiet oħra aktar adattati għall-kura li teħtieġ minflok l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Dr Xuereb irrimarka li flimkien mas-servizz tan-numru 1400, hemm ukoll iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid. Dwar dan huwa qal: “Kif nafu issa, kemm ilu li fetaħ dan ił-Hub, iktar minn 90,000 pazjent qed jagħmel użu tas-servizzi offruti fih. Dan kollu jgħin biex inaqqas il-piż minn fuq l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei.
Suġġett ieħor li ssemma’ matul din l-intervista kien dak tal-ħin medju ta’ kemm wieħed qed jistenna fl-emerġenza u kemm hu mistenni li jonqos la darba jitlesta l-proġett. Dwar dan, Dr Xuereb enfasizza li l-ħin biex wieħed jinqeda’ jiddependi miċ-ċirkostanzi tal-każijiet fl-Emerġenza.
Spiega li jekk jidħol xi ħadd b’xi uġieħ f’sidru u l-professjonisti jindunaw mill-ewwel li dan jista’ jwassal għal attakk tal-qalb, il-ħin ta’ stennija se tkun biss minuti, fejn li l-pazjent jittieħed f’post apposta għall-kura li jkollu bżonn.
Dwar dan, Dr Xuereb saħaq li issa hemm ukoll ħeliped ġo l-Isptar Mater Dei, u li minn hawn u ftit ieħor se tibda’ topera il-ħeliped il-ġdida mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex, proġett ieħor tal-FMS. Żied jgħid li, “it-tir tagħna huwa li kemm jista’ jkun, innaqsu l-ħin tal-ivvjaġġar biex wieħed jasal Malta minn Għawdex, u jieħu l-kura jew servizzi t’emerġenza oħra fl-inqas ħin possibbli.
