Is-seduta tal-lum, is-16-il jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech, s’issa kienet iddominata mix-xhieda mistennija ħafna ta’ Edgar Brincat, magħruf bħala “il-Ġojja”.
Brincat, li kien meqjus bħala figura ta’ missier għal Melvin Theuma, ta dettalji siewja dwar kif sar jaf bl-involviment ta’ Theuma fil-qtil u r-relazzjoni bejn Theuma u Fenech.
L-ewwel li tela’ jixhed dalgħodu kien Brian Farrugia, li fl-2021 kien jaħdem ma’ Transport Malta. Huwa ppreżenta dokumenti dwar vetturi rreġistrati f’isem Melvin Theuma, fejn ħarġu rabtiet kummerċjali ma’ Edgar Brincat. Farrugia spjega li diversi karozzi kienu rreġistrati taħt Brincat Auto Importers iżda s-sid li kien jidher kien Theuma, filwaqt li kien hemm każijiet fejn sar trasferiment ta’ vetturi bejniethom.
Wara, xehdet il-Maġistrat Nadia Vella, li qabel ingħaqdet mal-ġudikatura kienet taħdem bħala litigation officer. Hija kkonfermat li matul investigazzjoni li kienet saret fuq erba’ persuni, fosthom Melvin Theuma u Ryan Farrugia, kien instab li Theuma kellu poloz tal-assigurazzjoni fuq vetturi li kienu jkopru wkoll lil Edgar Brincat biex
Edgar Brincat.
Huwa spjega li ilu jaf lil Melvin Theuma minn meta dan kellu 16-il sena mill-korsa tal-Marsa u li Theuma kien jgħinu fit-tiġrijiet taż-żwiemel u fin-negozju tal-karozzi. Brincat ddeskriva r-relazzjoni tagħhom bħala waħda ta’ ħbieb kbar li kienu jafdaw ħafna lil xulxin.
Brincat irrakkonta l-mument meta Melvin Theuma mar għandu d-dar wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qallu li kien involut fil-każ u li kien se jitlob maħfra presidenzjali. Brincat qal li baqa’ xxukkjat: “Hu kien qisu miġnun, jibki… Qas ridt nemmen.”
Mistoqsi mill-prosekutur Godwin Cini dwar x’kien ir-rwol ta’ Theuma, Brincat xehed li Theuma kien qallu li kien “fin-nofs” bħala s-sensar bejn Yorgen Fenech u l-aħwa Degiorgio. Theuma kien qallu li Fenech bagħtu jagħmel kuntatt magħhom u li kien għaddielhom xi flus.
Brincat żied li meta staqsa lil Theuma jekk għamilx dan biex jaqla’ xi ħaġa, Theuma wieġbu li ma kien ħa xejn minnha.
Wara dan, Brincat qal lil qorti li l-flus li Theuma kien qed jgħaddi lill-aħwa Degiorgio kien ġie mingħand Yorgen Fenech. Kkonferma wkoll li Theuma u Fenech kienu ħbieb u li Theuma kien jikri ħanut lil Fenech u Johann Cremona. Skont Brincat, Theuma kien jaħdem ukoll bħala xufier tat-taxi fil-Hilton.
Brincat kompla jixhed li Theuma kien imbeżża’ ħafna li Vince Muscat (“il-Koħħu”) kien se jikxef kollox mal-pulizija, informazzjoni li Theuma kien sab mingħand Yorgen Fenech. Għalhekk, Theuma ried imur hu l-ewwel għand il-pulizija għax kien jemmen li min jasal l-ewwel kien se jieħu l-maħfra presidenzjali.
Brincat qal li pprova jwaqqfu u qallu: “La ma nqala xejn, taqla’ xejn.” Brincat spjega li pprova jikkonvinċi lil Theuma biex ma jmurx għand il-pulizija għax il-persuni li kien qed isemmi kellhom il-poter. Meta l-prosekuzzjoni staqsietu għal min qed jirreferi, Brincat wieġeb: “Naħseb Malta kollha taf li Yorgen daqqa jmur għand ministru u daqqa għand ieħor. Ma nafx kemm kienu se jemmnu lil Melvin.”
Huwa żied li kien beża’ li Theuma jispiċċa jerfa’ r-responsabbiltà waħdu. Dwar kif bdew ir-recordings sigrieti, Brincat xehed li kien hu stess li ssuġġerixxa lil Theuma biex jgħid lil Fenech li qed jirrekordjah “biex forsi Yorgen jibża’ u jgħinu.” Madankollu, Brincat żvela li sa fejn jiftakar hu, l-idea oriġinali li Theuma jibda jirrekordja lil Fenech bil-moħbi kienet ġiet mingħand it-tifla ta’ Theuma stess.
Brincat xehed li Theuma kien ġablu USB u qallu li kien għadda r-recordings lil Yorgen Fenech. Brincat pprova jismagħhom iżda ma fehem xejn minħabba l-kwalità ħażina tagħhom, u kien tenna lil Theuma li l-pulizija probabbilment għandha apparat aħjar biex jiċċara l-awdjo.
Fl-aħħarnett, Brincat żvela li aktar tard ġie kkuntattjat mill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar dwar dawn ir-recordings, filwaqt li spjega li lil Cutajar kien jafu minn meta Brincat kellu ristorant u Cutajar kien għenuh wara serqa.
Il-prosekutur Godwin Cini staqsa lil Edgar Brincat jekk kienx tkellem ma’ xi ħadd dwar il-każ qabel ma ta x-xhieda tiegħu fil-Qorti fil-15 ta’ Ġunju 2020, b’Brincat iwieġeb li ma jiftakarx.
Wara din it-tweġiba, il-prosekuzzjoni talbet li jindaqq recording fl-awla. Madankollu, qabel ma beda d-daqq, l-avukati tad-difiża qajmu punt ta’ dritt u talbu lill-Qorti biex il-ġurnalisti ma jitħallewx jirrapportaw il-kontenut tar-recording kelma b’kelma b’mod live. L-Imħallef Edwina Grima laqgħet din it-talba tad-difiża.
Għaldaqstant, fid-dawl tad-direzzjoni u l-ordni mogħtija mill-Qorti, l-ebda dettall dwar il-kontenut ta’ dan ir-recording mhu se jiġi ppubblikat għalissa. Wara li nstema’ r-recording, Edgar Brincat ta dettalji dwar kif Lawrence Cutajar kien staqsieh dwar ir-recordings ta’ Melvin Theuma u talbu jipprova jġiblu waħda mit-tapes, filwaqt li kien assigurah li ismu mhu se jidher mkien u li se jibqa’ protett.
Minkejja dan, Brincat insista bil-qawwa quddiem il-ġurati li huwa qatt ma ddiskuta r-recordings jew il-kontenut tagħhom ma’ Cutajar. Brincat iddefenda l-pożizzjoni tiegħu fl-awla billi qal: “Jien kont ngħid lil Melvin biex ma jmurx għand il-pulizija. Għaliex kelli ngħid lil Lawrence Cutajar dwar dawn ir-recordings?” Ix-xhud żied jgħid ukoll li ma jiftakarx eżatt kemm għadda żmien bejn il-mument li Theuma kien kixiflu li qed jirrekordja lil Fenech u l-mument meta Lawrence Cutajar mar jistaqsih dwarhom.
Wara din il-parti tax-xhieda, l-Imħallef Edwina Grima ordnat waqfa ta’ 20 minuta fil-proċeduri. Is-seduta mistennija terġa’ tibda għall-ħabta tal-11.45am, fejn imbagħad mistennija tkompli x-xhieda u l-kontro-eżami ta’ Edgar Brincat “il-Ġojja” quddiem il-ġurati.
