Monday, December 9, 2024

“Egoiżmu galor … Ambulanza lanqas tista’ tidħol… twiebet jispiċċaw jiddaħħlu fuq l-idejn!”

Rabja fost il-komunità Ġorġjana f’Għawdex

Aqra wkoll

“Is-sitwazzjoni issa waslet fix-xifer.” Hekk kiteb l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex Mons. Joseph Curmi minħabba kif żviluppat fi Pjazza San Ġorġ fir-Rabat.

Mons. Curmi jikteb li “nin-naħa tagħna pruvajna nimxu bil-kelma t-tajba, bid-djalogu u l-kompromess. Pruvajna niltaqgħu mas-sidien personalment. Pruvajna nimxu b’laqgħat għal xhur sħaħ mal-awtoritajiet kollha (fosthom Pulizija, Transport Malta, MTA, Kunsill Lokali, Lands Authority). Kollha jgħidu b’mod jew ieħor li m’għandhomx awtorità u li Pjazza San Ġorġ ma jidħlux.

“Saħansitra meta darba wara ħafna laqgħat ġew tal-Lands minn Malta jagħmlu kontroll flimkien mal-Pulizija, għal raġuni mhix magħrufa ħin bla waqt ippakkjaw u telqu lura. U kollox jerġa‘ lura għal li kien wara ftit jiem. Filwaqt li f’okkażjonijiet ta’ purċissjonijiet qed naslu, fin-normalità ta’ kuljum is-sitwazzjoni dejjem sejra għall-agħar. Din x’tista’ tissejjaħ jekk mhux anarkija?”

Persuni li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li s-sitwazzjoni m’għadhix taħt kontoll. Fiż-żona hemm diversi anzjani jgħixu u meta jkun hemm bżonn li tidħol ambulanza dan mhux qiegħed ikun posibbli. Kien hemm każi li t-tim mediku kellu jħalli l-ambulanza fi Pjazza tat-Tokk u jimxu lejn Pjazza San Ġorġ. “Din hija xi ħaġa inaċċettabli u xi ħadd għandu jieħu azzjoni b’mod immedjat,” stqarret persuna magħna li tgħix fl-inħawi.

L-Arċipriet jistaqsi kif jista’ jkun li nibqgħu nittolleraw li min ħataf l-art pubblika tal-poplu jibqa’ jgħaddi minn fuq kulħadd? Jistaqsi wkoll kif jista’ jkun nittolleraw li min għandu funeral jew tieġ irid jagħmel permess biex ineħħi lil min okkupa art pubblika?

“Kif jista’ jkun nittolleraw li funeral jidħol fil-Pjazza bid-daqq tal-ħornijiet u nies minn tal-funeral stess jippruvaw iressqu l-umbrelel u l-imwejjed? Kif jista‘ jkun nibqgħu nittolleraw li l-għarus li għandu t-tieġ wara li jkun ħallas regolarment għall-permess irid imur jitkarrab lis-sidien biex filgħaxija jkun jista‘ jidħol għat-tieġ tiegħu u forsi xorta ma jwarrbux għax l-awtoritajiet jgħidulu li jrid javżahom hu għax huma ma jidħlux?”

Hu jgħid ċar u ton li n-nies għandhom dritt għal funeral u tieġ diċenti. Għandhom dritt jgħaddu b’wheel chair u pushchair, għandhom dritt jgħaddu saħansitra bil-mixi. Iżda dan kollu hu ostakolat. Il-Pjazza għandha erba’ entraturi u kollha huma blokkjati abbużivament. U għax ċerti sidien tal-ħwienet jafu li ma tittieħed l-ebda azzjoni jiġu jaqgħu u jqumu u jitfgħu dell ikrah fuq sidien oħra li huma ċivili u li jikkollaboraw u li jimxu mar-regoli. Din mhix ġustizzja. L-art tal-poplu ħadd m’għandu dritt għaliha ħlief il-poplu.

Ekonomija

Sport