Wednesday, April 24, 2024

EKONOMIJA ROBUSTA MALTIJA F’EWROPA LI GĦADDEJJA MINN BOSTA KRIŻIJIET

Aqra wkoll

Qed ngħixu fi żminijiet ta’ sfida kbira fejn il-biċċa l-kbira tal-Ewropa tinsab iffukata fuq kif se tindirizza l-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-għoli tal-ħajja. Qed ngħixu fi żminijiet fejn diversi pajjiżi ġirien tagħna qed jiffaċċjaw protesti u instabiltà.

Jekk inħarsu lejn l-Ingilterra, din qiegħda taffaċċja waħda mill-akbar taqlib industrijali saħansitra anke strajkijiet, li qatt saru f’dan l-aħħar diċennju. Strajkijiet li jinvolvu għalliema, sewwieqa ta’ ferroviji u tal-linja, u għadd kbir ta’ ħaddiema tal-gvern li qed jitolbu żidied fil-pagi u kundizzjonijiet aħjar.

Min-naħa l-oħra, kieku kellna wkoll inħarsu lejn Franza naraw li aktar minn 1.27 miljun tal-poplu ma jridux li l-Gvern jgħolli l-età tal-irtirat minn 62 għal 64 sena.
Fi Spanja wkoll, in-nies qed jesperjenzaw tkabbir ekonomiku ta’ livell baxx u żieda fil-qgħad. Kemm inħarsu lejn it-tbassir ekonomiku mill-Fond Monetarju Internazzjonali għall-Ġermanja u l-Italja fejn qed jiġi previst li t-tnejn se jgħaddu minn riċessjoni bla preċedent.

Fix-xenarju lokali, bħala pajjiż għandna wkoll l-isfidi tagħna fosthom l-għoli tal-prezzijiet l-aktar minħabba l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, fejn inħolqot kriżi tal-enerġija. Fl-istess waqt u minkejja dawn l-isfidi kbar, naraw li l-ekonomija tagħna qed tkompli bl-irkupru tagħha u tfittex niċeċ ġodda fosthom fis-settur tad-diġitalizzazzjoni, tal-avjazzjoni, il-marittimu u fit-turiżmu.

Dan juri li għalkemm l-ekonomija qed tiffaċċja dawn l-isfidi, xorta għadha waħda reżiljenti u robusta. Dan grazzi għall-miżuri proprja u f’waqthom li ttieħdu mill-Gvern f’dawn l-aħħar xhur u snin. Dan juri li pajjiżna għandu l-ħila jimmanuvra f’kull maltemp ekonomiku li jsib ruħu fih.

Dan jawgura tajjeb u jagħti aktar serħan il-moħħ lill-familji, lin-negozji u lil dawk li l-aktar jinħtieġu l-għajnuna tal-istat. Għaldaqstant jekk pajjiżna jkompli jiġbed ħabel wieħed, il-ġejjieni jibqa’ wieħed sabiħ għal kulħadd.

Sport