Wednesday, April 24, 2024

ELEZZJONIJIET U COVID

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Mhux f’Malta biss, elezzjonijiet ġenerali jinsabu riesqa. Se jkollhom jinżammu fid-dell ta’ imxija tal-Covid-19. X’effetti jista’ jkun hemm f’hekk?

L-aħħar elezzjonijiet statali fil-Ġermanja taw riżultat tal-aqwa faraġ lill-Partit CDU tal-kanċellier Merkel. Ta’ faraġ għax skont is-sondaġġi, dan kellu jaqla’ taptipa. Ġara bil-maqlub.

Ir-riżultat juri kif il-pandemija se tkun qed tiffavorixxi lill-gvernijiet stabbiliti, minkejja l-iżbalji (jekk wieħed jista’ jsejħilhom hekk) li għamlu kemm ilha magħna? Forsi.

Fl-istess żmien tal-elezzjonijiet Ġermaniżi, inżammu elezzjonijiet reġjonali fi Franza. Il-kandidati tal-partit tal-President Macron, inklużi ministri “kwiekeb”, kellhom diżastru.

Imma mbagħad għamlu l-akbar impatt kandidati tal-partiti tradizzjonali tal-lemin u tax-xellug. Kollha kienu għadhom fil-karigi reġjonali kif eletti qabel ifforma l-partit ta’ Macron. 

Dan kollu allura jfisser li fi żmien il-pandemija, se jmur l-aqwa min diġà jinsab fil-kariga, hu ta liema kulur politika hu? Fi żmien emerġenza kbira, in-nies tippreferi ssostni min diġà jinsab fis-setgħa minflok titħajjar għal avventuri differenti?

***

GŻEJJER

Il-gżejjer Ewropej intlaqtu bil-kbir mill-pandemija. Ħafna minnhom ibbażaw l-iżvilupp tagħhom fuq it-turiżmu. Għal xhur twal l-imxija fgatu. Qed tkompli tagħmel hekk ma’ kull mewġa ġdida ta’ infezzjoni li titqanqal. 

Minn qabel beda t-turizmu, uħud mill-gżejjer speċjalizzaw f’servizzi finanzjarji biex iżommu l-ekonomiji tagħhom għaddejja. Dak is-settur issa qed jaqla’ attakki qawwija minn Ewropej li jħossu – ta’ spiss bir-raġun – li s-servizzi hekk imsejħa finanzjarji, qiegħdin sempliċement joħolqu maskri biex warajhom sinjuruni u azjendi kbar jistgħu jaħarbu milli jħallsu taxxi dovuti. 

X’jistgħu jagħmlu l-gżejjer Ewropej biex joħorġu minn din-nassa perfda li waqt li ttellifhom il-fiduċja tal-istati membri Ewropej, mhix tipprovdilhom biżżejjed ħarsien… waqt li t-turiżmu lejhom jogħtor?

***

ITTRI

Ġew f’idejja dan l-aħħar diversi kotba fejn jidhru l-ittri li bagħtu lil xulxin diversi awturi u personalitajiet oħra matul meded ta’ snin. Kollha kitbiet li jirriflettu l-esperjenzi u x-xewqat tagħhom dwar ħajjithom u lejn xulxin. Taqrahom u ssib li donnok qed tgħix magħhom dak li kienu għaddejja minnu.

Sensiela minnhom inkitbet fis-seklu dsatax; oħra mhijiex daqshekk imiegħda minn żminijietna: twassal sa tarf is-snin sittin tas-seklu l-ieħor.

Ħaġa waħda tispikka madankollu; ittri bħal dawn m’għadhomx jinkitbu aktar. Fejn it-telefown baqa’ ma ħax posthom, il-midja soċjali jinsabu f’ħakma assoluta fuq dak li “jintqal” minn distanza. Sa ftit taż-żmien ilu, il-korrispondenza kienet għajn ta’ ħolqien… jew talanqas pubblikazzjoni letterarja…

Kienet każwali u efemera: hekk ġieli ġiet iġġudikata, anke meta kotba sħaħ baqgħu jiġu publikati bi x’kiteb dak jew l-ieħor lil dik. Illum x’aktarx li dal-ġeneru spiċċa għal kollox.

Sport