Wednesday, December 25, 2024

ELLIOT PAUL BUSUTTIL JAMMETTI LI QATEL LIL MARIO FARRUGIA FL-2022

… iwieġeb ħati wkoll li sentejn qabel ipprova joqtol Bulgaru

Aqra wkoll

Elliot Paul Busuttil ta’ 40 sena minn Ħ’Attard ammetta li qatel lil Mario Farrugia ta’ 62 sena fl-2022, kif ukoll għall-attentat ta’ qtil ta’ raġel ieħor fl-2020.

Dan l-iżvilupp seħħ dalgħodu, meta l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kienet qiegħda tisma’ t-trattazzjoni dwar il-piena. L-Avukat ta’ Busuttil, Dr Edward Gatt, informa lill-Qorti li l-partijiet kienu qed jirrakkomandaw sentenza ta’ 35 sena ħabs.

Dr Gatt qal li bl-ammissjoni, Busuttil kien qed jevita ħafna ħela ta’ ħin u riżorsi tal-Qorti. “Ma nara l-ebda raġuni biex il-Qorti ma taċċettax il-ftehim milħuq bejn il-partijiet,” huwa żied jgħid.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni saħqet li l-ftehim dwar il-piena jagħmel ġustizzja mas-soċjetà, mal-vittmi u anke mal-akkużat. “Il-piena hija waħda serja u tirrifletti l-gravità tar-reati mwettqa mill-akkużat.”

Farrugia kien instab mejjet f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi f’April tal-2022. Huwa kien inqatel b’daqqiet ta’ sikkina f’sidru.

F’każ separat, f’Awwissu tal-2020, Marinov kien qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina minn Busuttil f’Ta’ Qali. Huwa għamel xi żmien fil-periklu tal-mewt. Wara l-aggressjoni, Busuttil kien ħarab minn fuq il-post u sigħat wara, il-Pulizija sabuh jistaħba f’komun ta’ blokka ta’ appartamenti f’Ħ’Attard.

Busuttil se jingħata s-sentenza fil-5 ta’ Marzu li ġej, fid-9.00 a.m.

Ekonomija

Sport