Wednesday, April 24, 2024

Enfasi fuq il-kompetenza fejn tidħol il-liċenzja tal-kuntratturi

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi dwar il-ħtieġa ta’ titjib fl-istandards b’rabta mal-iżvilupp f’pajjiżna

Aqra wkoll

“Nenfasizza ħafna fil-ministeru tiegħi dwar il-ħtieġa tat-titjib fl-istandards b’rabta mal-iżvilupp f’pajjiżna. Importanti li jkun hemm aġenda li tassigura investiment u żvilupp sostenibbli.

Nemmen li l-iżvilupp mhuwiex attività li tibda u tispiċċa fiha nnifisha, anzi hemm bosta miżuri sabiex jitjieb l-istandard tal-iżvilupp f’pajjiżna.” Iddikjara dan ma’ talk.mt il-Ministru għall-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi f’intervista b’rabta mal-liċenzjar obbligatorju tal-kuntratturi filwaqt li saħaq ċar u tond li se jkun hemm infurzar qawwi li mhux se jippermetti li xi ħadd jaħdem mingħajr il-liċenzja.

Liċenzja bil-għan li ttejjeb il-kwalità u l-Istandards
Il-Ministru spjega li sadanittant l-awtorità tal-ippjanar għaddejja bi proċess li bih tagħmel studji dwar x’inhu l-iżvilupp li għandu bżonn il-pajjiż biex jimxi ’l quddiem. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi semma wkoll il-konsultazzjoni pubblika li tnediet dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi involuti fil-bini, fit-twaqqigħ u fl-iskavar fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Il-Ministru saħaq li bla dubju li din il-liċenzja se tkun qed tirregola lil min jista’ jwettaq xogħol ta’ twaqqigħ, skavar u bini filwaqt li tassigura kwalità ogħla ta’ ħiliet li jkollhom il-kuntratturi u l-ħaddiema tagħhom involuti fis-settur. Huwa fakkar li l-għan ta’ dan il-liċenzjar huwa t-titjib tal-kwalità u tal-istandards.  

Fl-istess waqt hemm tipi ta’ attivitajiet ta’ kostruzzjoni li huma koperti mil-liċenzja tal-kuntratturi ta’ din l-industija bl-ewwel fażi li se tkun introdotta bil-liċenzja tal-kuntratturi fis-settur tal-kostruzzjoni. It-tliet kategoriji ta’ liċenzja tal-kuntratturi tal- kostruzzjoni se jkunu t-twaqqigħ, l-iskavar (li fosthom jinkludi l-piling) u l-bini.

Zrinzo Azzopardi qal li din il-liċenzja hi importanti għal kull individwu jew kumpanija li jaħdem f’dan is-settur. L-individwu partikolari jew anke kumpanija jista’ jkollhom liċenzja ta’ kull kategorija twaqqigħ, skavar u bini.

Dati li se jkunu marbutin b’infurzar għal aktar serjetà
Sadanittant, mill-1 ta’ Ġunju li ġej kull min jaħdem fl-oqsma ta’ twaqqigħ, skavar u bini jkun jista’ japplika għal-liċenzja kif meħtieġ. Huma dawk il-kuntratturi li jkunu applikaw mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sal-aħħar t’Ottubru 2023, li se jkunu jistgħu jkomplu joperaw mill-1 ta’ Novembru 2023 ’l quddiem. F’dan iż- żmien tkun qed tinħareġ liċenzja provviżorja skont il-każ. Dawn il-liċenzji se jkunu qed jiġu evalwati mill-Kumitat tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).

Zrinzo Azzopardi tkellem dwar l-importanza li kull min japplika jkollu bżonn b’mod obbligatorju polza ta’ assigurazzjoni valida li tkopri s-servizzi provduti f’siti ta’ kostruzzjoni. Dan minbarra li kull applikant li jimpjega ħaddiema tal-kostruzzjoni għandu jkollu ‘l hekk imsejħa employers liability bil-perjodu ta’ validità ta’ din il-liċenzja tkun ta’ tliet snin.

Lil hinn minn jekk intix Malti jew barrani, il-kompetenza tibqa’ kruċjali
Huwa tkellem ukoll rigward kumpanija barranija jew individwu f’dan is-settur. Huwa qal li dawn ukoll jistgħu japplikaw għal din il-liċenzja speċjalment fejn l-applikant ikun jew kien fil-pussess ta’ liċenzja jew reġistrazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew Pajjiż Terz.

Il-Kumitat jista’ jitlob informazzjoni dwar l-applikant minn din l-awtorità kompetenti. Il-gvern, min-naħa tiegħu se jkun qed jassigura ruħu li jkun hemm xi forma ta’ taħriġ jew ħtiġijiet edukattivi biex jagħmel ċert mill-kompetenza f’dan is-settur li għal tant snin tħalla għal riħu. Għalhekk kull min japplika irid ikollu liċenzja ta’ bennej (‘l hekk imsejħa Mason’s Licence) kif ukoll kwalifiċi oħra kif se jissemmew fl-avviż legali. Fis-setturi tat-twaqqigħ u l-iskavar hemm ukoll diversi kriterji li se jkunu mitluba. Dan biex tiġi aċċertata s-serjetà massima f’dan ir-rigward.

Ħa jkun hemm eżenzjonijiet biex tinkiseb liċenzja tal-kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni marbuta mal-ewwel sena li tiġi introdotta, billi dawk il-kuntratturi li jkunu diġà qed iwettqu xogħol se jkollhom il-possibbiltà li jkomplu bil-ħidma tagħhom anke wara d-data li jiġu fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda. Eventwalment, dawn għandhom jirreġistraw mal-Awtorità bil-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal-liċenzja u sakemm ikollhom il-kriterji kif imsemmija se jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu. F’dan iż-żmien kuntrattur li jikser ir-regolamenti xorta jista’ jkun sospiż jew imwaqqaf milli jaħdem bħala kuntrattur.

Aġġornament li se jassigura l-ħiliet
Finalment se jkun hemm il-fakultà ta’ appell mat-Tribunal tal-Bini u l-Kostruzzjoni jekk l-applikant iħossu aggravat, kemm dwar kundizzjonijiet tal-liċenzja kif ukoll jekk kien hemm rifjut tal-liċenzja. L-appell irid isir fi żmien 20 ġurnata mid-deċiżjoni tal-Awtorità skont il-liġi.

Il-Ministru enfasizza wkoll il-bżonn li l-liċenzja tiġġedded skont il-ħiliet ta’ dawk konċernati. “Minbarra l-validità tal-liċenzja, l-awtoritajiet se jaraw li din il-liċenzja tiġġedded wara li jgħaddi l-perjodu ta’ validità sabiex jassiguraw l-aġġornament tal-kapaċitajiet biex il-kompetenza tkun assigurata”, temm jisħaq il-Ministru.

Sport