Il-programm ta’ qabel il-Milied li huwa is-17-il wieħed tal-Premier League Ingliż, għandu żewġ logħbiet mistennija ħafna, li nzertaw l-ewwel waħda tal-lum wara nofs in-nhar f’Villa Park bejn Aston Villa u Manchester City u dik li tagħlaq il-programm li hija l-aħħar waħda ta’ għada filgħaxija.
Il-logħba bejn il-Villa u s-City hija bejn żewġ timijiet ‘feruti’ sew meta t-team ta’ Unai Emery kiseb tliet rebħiet u tliet draws waqt li tilef l-erbgħa l-oħra mill-aħħar 10 li lagħab.
Min-naħa tat-team ta’ Pep Guardiola l-affarijiet marru agħar għax mill-aħħar seba’ logħbiet ħadu rebħa u draw u tilfu l-ħamsa l-oħra. Ċertament mhux forma ta’ żewġ timijiet li jinsabu fiċ-Champions League.
Il-leaders tal-klassifika, Liverpool, li fost il-ġimgħa għaddew għas-semi-finali tal-League Cup wara rebħa 2-1 għand Southampton, se jkunu fl-azzjoni għada meta se jiffaċċjaw lil Tottenham li qed ikollhom riżultati mħallta għalkemm ġejjin mill-kwalifikazzjoni għas-semi-finali tal-League Cup meta għelbu lil Manchester United 4-3.
Bħalissa r-Reds jinsabu żewġ punti fuq it-team ta’ warajhom, Chelsea, iżda lagħbu logħba inqas minnhom li hija dik posposta kontra Everton.
Għaldaqstant Arne Slot irid joqgħod attent minn xi żelqa biex ma jidħolx f’inkwiet mhux mistenni meta ġejjin minn draws konsekuttivi kontra Newcastle (3-3) u kontra Fulham (2-2).
Spurs, li jinsabu fl-10 post, 13-il punt warajhom, sofrew tliet telfiet fl-aħħar sitt logħbiet bit-tlieta l-oħra jipproduċu żewġ rebħiet u draw li mhuwiex rekords li għandhom ikunu kuntenti bih.
It-team fit-tielet post, Arsenal, se jmorru Selhurst Park għad-Derby ta’ Londra kontra Crystal Palace meta dawn ġejjin mir-rebħ ta’ disa’ punti mill-aħħar ħames ħarġiet li bihom taffew xi ftit l-inkwiet tar-relegazzjoni meta jinsabu erba’ punti fuq it-team it-tielet mill-aħħar.
Iż-żewġ timijiet iltaqgħu fil-kwarti-finali tal-Football League Cup l-Erbgħa li għadda li l-Gunners rebħu 3-2 fejn għalihom Gabriel Jesus skorja hat-trick wara li l-Palace kienu sabu ruħhom goal minn fuq.
Brentford se jilqgħu lil Nottingham Forest meta dawn tal-aħħar qed jokkupaw ir-raba’ post ħames punti iktar mill-avversarji tagħhom. Iż-żewġ timijiet jinsabu f’forma tajba bil-Bees jirbħu 10 punti minn tliet rebħiet u draw mill-aħħar sitt logħbiet u l-Forest disgħa minn tliet rebħiet.
Logħba bejn timijiet bħal dawn tista’ tmur kull naħa bi Brentford kapaċi jagħtu logħba lil kulħadd f’darhom waqt li l-Forest huma tajbin ukoll meta jkunu qed jilagħbu away.
It-team fit-18-il post, Ipswich Town, se jkun f’daru kontra Newcastle United meta t-tnejn rebħu żewġ logħbiet mill-aħħar sitta li lagħbu li kienu l-ewwel u l-aħħar waħda u bejniethom it-Tractor Boys tilfu tlieta u ġew draw fl-oħra waqt li l-Magpies ħadu żewġ draws u sofrew żewġ telfiet.
Bħalissa Newcastle jinsabu fit-12-il post bi 23 punt, 11 iktar minn Ipswich li jinsabu t-tielet mill-aħħar.
Il-logħba l-oħra tal-lum tlaqqa’ lil West Ham li ġejjin minn draw għand Bournemouth (1-1) waqt li Brighton tilfu f’darhom kontra Crystal Palace (3-1).
Iż-żewġ timijiet ġejjin minn rekord identiku ta’ żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet għalkemm mhux fl-istess sekwenza tant li s-Seagulls ilhom ma jirbħu erba’ logħbiet u l-Hammers ħadu rebħa u draw mill-aħħar żewġ logħbiet tagħhom.
Chelsea, friski mir-rebħa kbira 5-1 kontra l-Irlandiżi, Shamrock Rovers, fil-UEFA Conference League, imorru għand Everton wara li dawn żammew draw bla goals lil Arsenal fl-Emirates.
Iżda il-Blues ta’ SW6 żgur li fadlilhom munizzjon biżżejjed biex iżommu l-pass mat-team l-ieħor ta’ Merseyside, Liverpool.
It-team fil-forma, Fulham, se jilqgħu lil Southampton fi Craven Cottage biswit ix-Xmara Thames, bis-Saints jinsabu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika b’ħames punti meta mill-aħħar sitt logħbiet ħadu punt biss.
Il-Cottagers jinsabu trankwilli b’24 punt fit-tmien post wara li rebħu disa’ punti mill-aħħar 18 possibbli meta tilfu darba biss mis-sitt logħbiet li lagħbu.
Il-King Power Stadium ta’ Leicester City se jkun il-post li fih il-manager il-ġdid ta’ Wolves, il-Portugiż, Vitor Pereira, li ġie maħtur minflok Gary O’Neil, se jagħmel id-debutt fuq il-bankina, wara li dan tal-aħħar tkeċċa mill-kariga l-Ħadd li għadda wara t-telfa ġurnata qabel kontra Ipswich li jinsabu fl-istess ilma.
Rebħa għal xi ħadd minnhom tkun tiswa mitqlu deheb iżda qabel xejn Pereira jrid itejjeb id-difiża li f’16-il logħba sofriet 40 goals.
Il-logħba l-oħra tal-Ħadd tara lil Manchester United jospitaw lil Bournemouth li jinsabu fis-sitt post b’25 punt waqt li l-United qegħdin seba’ postijiet warajhom bi tliet punti biss inqas minnhom.