Friday, June 26, 2026

Aktar sigurtà, aktar drittijiet, aktar dinjità: il-GWU u l-MDFOA jiffirmaw Ftehimiet Kollettivi ġodda għall-‘food couriers’

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) u l-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA) illum iffirmaw sensiela ta’ Ftehimiet Kollettivi li se jtejbu b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-‘food couriers’ impjegati mal-operaturi membri tal-Assoċjazzjoni.

Dawn il-ftehimiet huma r-riżultat ta’ xhur ta’ diskussjonijiet u negozjati bejn il-GWU u l-MDFOA, wara l-iffirmar tal-Memorandum of Understanding (MoU) f’Novembru tas-sena li għaddiet, li permezz tiegħu ż-żewġ naħat impenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien biex jissaħħu d-drittijiet u l-protezzjoni tal-ħaddiema f’dan is-settur.

Permezz ta’ dawn il-Ftehimiet Kollettivi, il-‘food couriers’ se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol aktar ġusti u trasparenti. Fost il-miżuri ewlenin hemm l-introduzzjoni ta’ salarju fiss ta’ kull xahar minflok sistema ta’ ħlas ibbażata fuq il-kummissjoni, dritt għal leave annwali mħallas, sick leave, ħlas tal-overtime u premiums skont il-ftehim. Barra minn hekk, il-ħaddiema mhux se jibqgħu jġorru spejjeż relatati mal-uniformijiet, muturi jew tagħmir ieħor meħtieġ għax-xogħol, filwaqt li l-pagi kollha se jitħallsu direttament fil-kont bankarju tagħhom, u b’hekk ma jibqgħux isiru pagamenti fi flus kontanti.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Abela, qal li l-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet jirrappreżenta pass storiku għas-settur tal-‘food delivery’ f’Malta.

“Illum qed nibagħtu messaġġ ċar li dawn il-ħaddiema għandhom jiġu rikonoxxuti, rispettati u protetti. Id-dinjità fuq il-post tax-xogħol hija dritt fundamentali ta’ kull ħaddiem, irrispettivament mis-settur li fih jaħdem. Dawn il-ftehimiet huma prova li permezz tad-djalogu soċjali nistgħu nibnu kundizzjonijiet tax-xogħol aktar ġusti u relazzjonijiet industrijali aktar b’saħħithom.”

Abela żied jgħid li l-GWU tibqa’ impenjata tkompli ssegwi l-implimentazzjoni tal-ftehim u taħdem biex aktar ħaddiema fis-settur igawdu mill-istess livell ta’ protezzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Delivery Fleet Operators Association, Jusef Meli, qal li l-ftehimiet jagħtu sustanza lill-impenn meħud permezz tal-MoU ffirmat is-sena li għaddiet.

“Dak li qed nagħmlu llum huwa pass importanti ħafna għall-industrija tagħna. Flimkien irnexxielna noħolqu mekkaniżmu li jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema filwaqt li jassigura l-osservanza tagħhom fis-settur kollu. Dan huwa mument storiku li jagħmel lil Malta l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jintroduċi mekkaniżmu ta’ protezzjoni ta’ dan it-tip għall-‘food couriers’ li jaħdmu fuq pjattaformi diġitali.”

Huwa appella lill-operaturi kollha fis-settur biex jingħaqdu ma’ din l-inizjattiva sabiex il-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jgawdu mill-istess standards ta’ protezzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti qal li dan il-ftehim huwa xhieda ta’ maturità kbira fejn il-partijiet kollha poġġew madwar mejda b’sens ta’ responsabbiltà lejn il-bniedem.

“Qed indaħħlu strutturi moderni ta’ governanza li jiggarantixxu trasparenza u fiduċja reċiproka. Din hija t-triq ‘il quddiem li jemmen fiha dan il-Gvern, ekonomija li tħares ‘il quddiem fejn biex nimxu bħala nazzjon, irridu nimxu flimkien,” qal il-Ministru Azzopardi Tanti.

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard saħaq li: “Dan huwa żvilupp importanti ħafna għas-settur tal-‘food couriers’ fejn mhux biss qed nassiguraw li jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha, iżda wieħed jittama wkoll li issa dan l-iżvilupp jinxtered fis-settur kollu biex nassiguraw li jkun hemm level playing field u ma jkunx hemm sitwazzjoni fejn dawk li jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jiġu żvantaġġati fis-settur.”

Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett qal li hu jemmen li fi Ftehim Kollettiv jirbaħ kulħadd. Kemm il-ħaddiem li huwa kruċjali, kif ukoll min iħaddem li jieħu riskju u jagħmel investiment u għalhekk irridu naraw li ż-żewġ partijiet ikunu salvagwardjati.

“Dan huwa ftehim importanti mmens hekk kif se jiftaħ il-bibien għal ftehimiet oħrajn ma’ setturi simili li se jaraw li jirregolaw ir-relazzjoni. Mhux biss bejn il-ħaddiema u min iħaddem iżda anke mal-konsumatur,” qal il-Ministru Bonett.

Il-GWU laqgħet ukoll b’sodisfazzjon il-fatt li l-maġġoranza tal-‘food couriers’ impjegati mal-operaturi li ffirmaw dawn il-ftehimiet issa huma membri tal-GWU, pass li jkompli jsaħħaħ ir-rappreżentanza kollettiva u jagħti vuċi aktar b’saħħitha lill-ħaddiema fis-settur.

Dawn il-ftehimiet jimmarkaw stadju ġdid għall-industrija tal-‘food delivery’ f’Malta u juru kif, permezz ta’ djalogu soċjali kostruttiv u responsabbli, huwa possibbli li jinħolqu soluzzjonijiet li jħarsu kemm id-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll l-istabbiltà u s-sostenibbiltà tas-settur.

L-iffirmar sar fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri, il-President tal-GWU Jason Deguara, is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Brian Bonnici u l-Assistent Segretarju Johann Spiteri, il-GWU-TCN Liaison Officer Manav Sanger, kif ukoll diversi operaturi u persuni distinti mill-Assoċjazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport