Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia laqgħet lill-40 parteċipant fl-ewwel edizzjoni tal-Logħob Mediterranju PingPongParkinson li qatt saret. Hija qalet li kienet proprju Malta li ġiet magħżula biex torganizza dan l-ewwel turnew tax-xorta tiegħu fil-Mediterran bejn il-Ġimgħa 26 sal-Ħadd 28 ta’ Ġunju.
B’kollox se jkunu qed jipparteċipaw persuni minn sitt pajjiżi differenti: Malta, il-Ġermanja, il-Kroazja, l-Italja, Franza u Slovenja.
Il-Ministru Farrugia qalet li “Pajjiżna jilqa’ b’sodisfazzjon dan it-turnew internazzjonali li jġib l-isport u sfida ta’ saħħa flimkien, f’ċelebrazzjoni ta’ ħajja aħjar u aktar attiva.” Hija fakkret li studji xjentifiċi juru kif fil-fatt il-logħob tat-table tennis kien ippruvat li huwa ta’ benefiċċju għal dawk il-persuni li jkunu għaddejjin mir-realtà tal-Parkinsons.
Innutat kif fil-fatt il-logħba tat-Table Tennis hija effettiva għal kull marda newrodiġenerattiva għax jgħin għal funzjonalità aħjar tal-moħħ u jnaqqas mill-iżolament li jgħaddu minnu persuni li jbatu minn mard bħall-Parkinsons.
“Il-benefiċċji huma kemm fiżiċi, kif ukoll psikoloġiċi u anke soċjali. U kien proprju għalhekk li meta l-Alpha Tennis Klabb avviċina lill-Ministeru u staqsa għall-għajnuna aħna tajniha, u tajniha mill-qalb,” kompliet tgħid il-Ministru.
Temmet l-indirizz tagħha billi qalet li din l-inizjattiva hi prova ċara ta’ kemm għaqdiet volontarji għandhom rwol importanti, li qed jirnexxielhom juru kemm l-isport hu lingwa li tgħaqqad pajjiżi differenti.
Il-PingPongParkinson International (PPP) twaqqfet fl-2017 u llum hija moviment attiv f’35 pajjiż li jippromovi l-benefiċċji fiżiċi, mentali u soċjali ta’ persuni bil-Parkinsons.
Għall-attività Katia Mifsud mill-Alpha Table Tennis Klabb – li qed jorganizza l-avveniment flimkien mal-PPP – laqgħet lill-parteċipanti kollha. “Jien stess rajt il-benefiċċji enormi li jgawdu minnhom persuni li jkunu qed jiffaċċjaw l-isfida tal-Parkinsons u għax esperjenzajt l-atmosfera inkredibbli li tiddomina f’attivitajiet bħal dawn,” qalet is-Sinjura Mifsud. Hija qalet li l-organizzazzjoni tibqa’ ggwidata mill-motto ‘We may shake but we are unshakeable’ biex tara li dawn il-logħob organizzati f’Malta jkunu kontribut importanti ħalli b’hekk il-PingPongParkinson tilħaq aktar persuni madwar id-dinja.
Imwaqqfa fl-2017 mill-mużiċist Nenad Bach, PingPongParkinson illum hija moviment internazzjonali attiv f’35 pajjiż, li jippromwovi l-benefiċċji fiżiċi, mentali u soċjali tat-table tennis għal persuni bil-Parkinson. Is-sur Bach – li kien preżenti għall-ftuħ ta’ dan il-logħob qal li huwa avveniment ta’ importanza kbira għal kull min jieħu sehem, għax persuni li jgħixu b’dijanjosi tal-Parkinson iħossuhom aħjar meta jilagħbu t-table tennis u jqattgħu ħin flimkien. It-turnew ta’ PingPongParkinson huma avvenimenti speċjali mimlijin ferħ u tama, fejn in-nies jilagħbu flimkien mhux biss biex jieħdu gost u jtaffu s-sintomi, iżda wkoll biex jappoġġjaw lil xulxin u jispiraw aktar persuni bil-Parkinson biex jibdew jipprattikaw dan l-isport. Nenad esprima l-apprezzament sinċier tiegħu għall-appoġġ tal-Ministeru lejn dan l-avveniment innovattiv u ta’ impatt pożittiv.
It-turnew se jinkludi kompetizzjonijiet ta’ Singles, Doubles u Mixed Doubles, b’parteċipanti mqassma skont il-mobbiltà u l-esperjenza tagħhom biex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta.

