Saturday, June 27, 2026

166 kilogramma kokaina, 2,088 pillola ecstasy u 19-il kilo khat maqbuda fl-ewwel sitt xhur tas-sena

Aqra wkoll

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-Pulizija Maltija  qabdu 166 kilogramma kokaina, 2,088 pillola tal-ecstasy (XTC), ammont li diġà qabeż it-total kollu maqbud matul l-2025, filwaqt li nqabdu wkoll 19-il kilogramma khat, li huwa daqs l-ammont kollu maqbud matul is-sena li għaddiet.

Dawn iċ-ċifri qalhom il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield waqt li indirizza workshop organizzat mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż tad-Droga u t-Traffikar Illeċitu tad-Droga. Workshop  li ġie organizzat bis-sehem tal-Korp tal-Pulizija u l-Ordni Sovrana Militari ta’ Malta.

Il-Ministru Bedingfield faħħar il-ħidma professjonali u bla waqfien tal-Korp tal-Pulizija, b’mod partikolari tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, għall-impenn tagħhom biex iżarmaw ċrieki ta’ kriminali organizzati u jwaqqfu sustanzi illeċiti milli jaslu fit-toroq Maltin.

“Dawn ir-riżultati huma prova ċara tal-ħidma proattiva tal-Pulizija u tad-determinazzjoni tagħna li niġġieldu l-kriminalità organizzata u nipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tal-komunitajiet tagħna,” sostna l-Ministru.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Bedingfield enfasizza li filwaqt li l-Mediterran huwa ċentru ewlieni għall-kummerċ u l-konnettività internazzjonali, il-pożizzjoni ġeografika tiegħu qed tiġi sfruttata wkoll minn ċrieki  kriminali involuti fit-traffikar tad-droga. Għalhekk, saħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar kooperazzjoni internazzjonali, skambju ta’ informazzjoni, investigazzjonijiet konġunti u koordinazzjoni kontinwa bejn il-pajjiżi u l-istituzzjonijiet internazzjonali.

Il-Ministru żied jgħid li l-infurzar waħdu mhux biżżejjed. Il-prevenzjoni, l-edukazzjoni, it-trattament u r-riabilitazzjoni għandhom jibqgħu pilastri ewlenin ta’ strateġija nazzjonali komprensiva biex jiġu protetti l-komunitajiet, speċjalment iż-żgħażagħ, mill-konsegwenzi serji tal-abbuż tad-droga.

Fi tmiem l-indirizz tiegħu, il-Ministru tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-UNODC, mal-istituzzjonijiet Ewropej u mal-pajjiżi ġirien sabiex flimkien jindirizzaw it-traffikar internazzjonali tad-droga, jolqtu l-profitti tal-kriminalità organizzata u jkomplu jsaħħu s-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport