Erba’ Rumeni l-ħabs għal sensiela ta’ pick pocketing fil-Belt f’erbat ijiem

Aqra wkoll

Erba’ Rumeni ġew ikkundannati bejn tliet snin u tliet snin u erba’ xhur ħabs wara li ammettew li wettqu 11-il serqa mill-bwiet fil-Belt Valletta fi spazju ta’ erbat ijiem biss.

Elvis Adir, ta’ 25 sena, u Florin Rambo Mamolescu, ta’ 28 sena, ġew ikkundannati tliet snin u erba’ xhur ħabs kull wieħed.

Martinelli Bruno Adir, ta’ 18-il sena, u Manix Baboi, ta’ 21 sena, ingħataw sentenza ta’ tliet snin ħabs kull wieħed.

L-erba’ rġiel kienu ammettew il-ħtija tagħhom waqt it-tressiq tagħhom il-Qorti l-Ħadd, b’rabta ma’ sensiela ta’ serqiet li seħħew bejn it-2 u l-5 ta’ Novembru.

Jinfexx jibki hekk kif tingħata s-sentenza

Hekk kif il-Qorti tat is-sentenzi, wieħed mill-irġiel ma felaħx iżomm l-emozzjonijiet tiegħu u nfaqa’ jibki.

Huwa beda jitkellem bir-Rumen fl-awla, filwaqt li wara seta’ jinstema’ jibki u jgħajjat anke barra mill-awla.

Il-Pulizija identifikathom permezz tas-CCTV

Waqt it-tressiq tagħhom il-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-investigaturi rnexxielhom jidentifikaw lill-erba’ rġiel wara li analizzaw filmati tal-kameras tas-sigurtà u ritratti li ngħataw mill-vittmi.

Il-maġġoranza tal-persuni li sfaw misruqa kienu anzjani.

Wara li identifikat lis-suspettati, il-Pulizija żiedet ir-rondi fil-Belt Valletta, sakemm fis-6 ta’ Novembru rnexxielha tarresta tnejn mill-irġiel fi Triq il-Merkanti.

Kwarta biss wara, il-Pulizija arrestat liż-żewġt irġiel l-oħra fi Pjazza Kastilja.

Il-każ tmexxa mill-Ispettur Stephen Gulia, filwaqt li l-erba’ rġiel kienu assistiti mill-avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia.

Is-sentenzi ngħataw mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport