Tuesday, May 14, 2024

Esperjenza ta’ ġimagħtejn ġewwa Los Angeles tagħti perspettiva differenti lil Faye Galea

Aqra wkoll

Esperjenza ta’ ġimagħtejn ġewwa Los Angeles tat perspettiva differenti lil Faye Galea, tfajla ta’ 14-il sena li għandha għal qalbha ħafna ż-żfin hip hop u street dance, kif ukoll ix-xenarju tad-drama.  Permezz ta` scholarship parzjali li ngħata lilha waqt konvenzjoni taż-żfin, Faye kellha l-opportunitá li tqatta’ ġimgħatejn ġewwa Los Angeles bejn Lulju u Awwissu ta’ din is-sena.

Hemmhekk hi tgħallmet mingħand l-aqwa koreografi ġewwa Los Angeles bħal Caitlin Wheeler, Anthony Carr, Alexander Chung, Teya Wild, Gustavo Vargas, Linda Ayentes u Olivia Kula fost oħrajn. Esperjenza unika u li kienet ta` sodisfazzjoni kbir, kienet meta Faye kellha lezzjoni taż-żfin ma’ Stacy Walker li hija waħda mill-koreografi ta’ Michael Jackson.  

F’temp ta’ 45 minuta Stacy għallmithom parti miż-żifna tat-tour ta` Michael Jackson tal-1995.  Ma kienx kollox ward u żahar għal Faye Galea għax hekk kif iltaqgħet mal-kumplament taż-żeffiena, ħasset id-differenza fil-livell taż-żfin, peró dan taha l-kuraġġ u l-inizjattiva li tagħmel l-almu tagħha u tikber u tlaħħaq mal-livell taż-żeffiena barranin fi żmien ħmistax.

“Ħassejtni kburija li jiena Maltija u lil Malta faħħarnieha u ma kull ma min tkellimna, għalkemm vera ftit kienu dawk li jafu b`Malta. Permezz ta` dak li aħna bħala Maltin, qabbadnihom l-kurżitá dwar Malta u baqgħu mpressjonati bil-benefiċċji li għandna bħala ċittadini f`pajjiżna, bis-sbuħija tal-istorja ta` Malta u s-sbuħija tal-bliet u rħula Maltin u l-bajjiet sbieħ li għandna f’pajjiżna.

Peró, fl-istess ħin ma stajtx naħbi l-fatt li sfortunatament Malta għadha qiegħda tiżviluppa fuq l-importanza taż-żfin u l-arti.  Huwa settur li Malta qiegħda temmen iktar fih u nemmen li għad jikber u jiġi stmat kif ħaqqu.”  Faye kompliet tgħidilna kif l-kumplament taż-żeffiena kienu ġejjin minn stati differenti ġewwa l-Amerika, waqt li kien hemm żeffiena mill-Kanada kif ukoll mill-Ingliterra.  L-etá kienet bejn l-10 u 23 sena u tkun xi tkun l-etá, l-ammont ta` prattika li jqattgħu jiżfnu dawn iż-żeffiena hija bejn erba’ u sitt darbiet fil-ġimgħa u jagħmlu bejn erba’ u sitt sigħat kull darba. L-Ingliterra wkoll jagħtu importanza lejn il-prattika taż-żfin u jipprattikaw ħames darbiet fil-ġimgħa, erba’ sigħat kull darba.  

Faye qaltilna li, “Issa li tgħallimt kif l-aqwa żeffiena jikbru u jiskbu suċċess, hekk kif ġejt lura Malta ħadt il-parir li kelli xorti nieħu mill-koreografi li tgħallimt magħhom u se nkun qed nattendi lezzjonijiet taż-żfin differenti u se nkompli nipprattika ta` kuljum dak li għallmuni.”  Waqt dan it-tour ta` The Hollywood Summer Tour, id-direttrici ta` dan l-ischolarship tathom l-opportunitá li jattendu seminars minn professjonisti li għandhom il-prattika taż-żfin u kellmuhom fuq nutrizzjoni tajba, saħħa mentali, immigrazzjoni u kif tibda kumpanija taż-żfin bis-saħħa tal-media soċjali.  Apparti min hekk Faye spjegat kemm il-ġranet kienu mqassmin sbieħ, b’bilanċ tajjeb bejn lezzjonijiet taż-żfin ġewwa studios differenti bħall-Millennium, T Milly, Evolution, The Basement, Artistico and Mihran K Studios, kif ukoll bejn is-sightseeing u l-avventuri li kellhom bħala grupp ta’ żeffiena.

“Spiċċajna qisna familja u hekk kif għaddew il-ġranet u riedna nħallu lil xulxin, ilkoll bkejna, peró permezz tal-media soċjali wegħdna lil xulxin li nibqgħu fil-kuntatt u anke ‘l quddiem nixtiequ li nikkolaboraw fiż-żfin flimkien.”

Waqt is-seminar, Menina spjegatilhom kif il-fatt li ż-żeffiena li hemm fit-tour ġew magħżula għal-livell għoli taż-żfin tagħhom, qatt ma tista’ tgħid min miż-żeffiena li hemm fit-tour jispiċċa jkun aġent taż-żfin jew koreografu jew jiftaħ skola għal rasu fost opportunitajiet oħra u għalhekk kemm hu importanti li dejjem tibqa’ persuna umli u b`qalb tajba għax in-nies dejjem jibqgħu jiftakru kif ġielthom iħossuhom meta kienu miegħek.  

Apparti l-lezzjonijiet intensivi taż-żfin, huma kellhom ukoll ġranet ta` rilassament fejn żaru postijiet bħal Manhattan beach, Santa Monica, Venice beach, The brand at the Americana ġewwa Glendale, Disneyland – California Adventure, Griffith Observatory, Beverly Hills kif ukoll il-Walk of Fame. Memorja ħelwa hija meta marru bħala udjenza ta` wieħed mill-programmi televiżivi tant popolari bl-isem ta` The Masked Singer.  

Waqt dan it-tour Faye esperjenzat stil taż-żfin differenti bħall-Hip Hop, Jazz, Street Dance, Contemporary, Salsa, Jazz Funk u Heels. – żfin li qanqlilha kurżitajiet biex titgħallem u tkabbar it-talent tagħha taż-żfin.

Menina Fortunato li hija direttrici ta` dan it-tour għaddiet dan il-messaġġ fuq Faye. “Kien ta’ pjaċir assolut għalija li kelli lil Faye bħala parti minn The Hollywood Summer Tour. Hija l-unika żeffiena minn Malta li qatt intgħażlet biex tattendi għal dan it-Tour.

Hija kienet esposta għal diversi stili ta’ żfin fejn tħarrġet mal-aqwa koreografi ta’ Los Angeles, żifnet quddiem l-aqwa aġenti taż-żfin ta’ LA, attendiet recording ta’ show televiżiv, iffilmjat video mużikali, kellha photoshoots professjonali, u għamlet ħafna żjarat turistiċi mal-belt kollha. .

Issa għandha esperjenza aħjar tad-dinja taż-żfin professjonali f’Hollywood u se tkun tista’ tieħu l-għarfien tagħha lura lill-komunità taż-żfin f’Malta.” Għal Faye din hija esperjenza li tgħallmet ħafna minnha u li żġur li se tkun qed tgħinha tikber fil-karriera tagħha taż-żfin ġewwa pajjiżna li tant għandha għal qalbha.

Sport