Meta lbieraħ kompliet tinstema’ l-kawża dwar l-inkjesta Vitals, il-Qorti ordnat lill-espert Irlandiż Jeremy Harbinson, li kien responsabbli mill-esperti l-oħra kollha f’din l-inkjesta, sabiex ikun preżenti fl-Awla meta se jkun qed jintalab jixhed fil-kawża dwar il-koncessjoni tal-isptarijiet. Il-kumpanija ta’ Harbinson tħallset €11 miljun sabiex tħejji r-rapport ta’ din l-inkjesta li kienet ordnata mill-Maġistrat Gabriella Vella.
F’digriet, il-Magistrat Rachel Montebello mhux biss ma laqgħetx talba sabiex Harbinson jixhed bil-video conference, iżda ordnat lill-istess Harbinson, sabiex sa mhux iktar tard minn jumejn wara li jirċievi d-digriet tagħha, jindika d-dati li fihom ikun disponibbli biex jiġi Malta u jixhed quddiemha. Il-Qorti talbet lill-espert Irlandiż sabiex jindika jekk huwiex disponibbli biex ikun preżenti fiżikament fl-Awla fis-seduta li jmiss tal-14 ta’ Jannar.
Jeremy Harbinson kien informa lill-Qorti li ma jistax jiġi jixhed Malta ghaliex skont huwa, martu, li hija wkoll direttur fuq il-kumpanija li tħallset €11-il miljun, hija marida u bilfors irid joqgħod ħdejha. It-talba f’isem Harbinson saret mill-Avukat Peter Fenech, li hu magħruf li għamel żmien qrib il-PN, u t-talba kienet aċċettata mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Sadanittant, ilbieraħ l-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Generali informa lill-Qorti li Jeremy Harbinson huwa l-aħħar xhud li se tkun qed tressaq il-prosekuzzjoni. Min-naħa tiegħu l-avukat Vincent Galea li qed jidher għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat ippreżenta żewg sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jgħidu li jekk xhud importanti ma jkunx preżenti fl-Awla jinħolqu problemi fil-proċeduri.
Fis-seduta tal-bieraħ xehdet ukoll rappreżentanta tal-Kummissarju tat-Taxxa illi qalet illi rapport li qed jitħejja dwar wieħed mill-akkużati, Christopher Spiteri, fadallu madwar sitt xhur sabiex jitlesta. Xehdu wkoll rappreżentanti tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi u tal-bank Em@ney.
Sadanittant il-Maġistrat laqgħet talba li saritilha mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex il-proċeduri fil-konfront tal-kumpanija Taomac Limited isiru b’mod separat minn dawk tal-akkużati l-oħra. L-avukati ta’ din il-kumpanija qalu li jaqblu ma’ din it-talba.
Is-seduta li jmiss hija skedata għall-14 ta’ Jannar.