Monday, November 2, 2026
Home Kultura ESPERTI JINĠABRU F’MALTA BIEX JISTUDJAW L-ISTORJA TAL-BINI TA’ PALAZZI STORIĊI  

ESPERTI JINĠABRU F’MALTA BIEX JISTUDJAW L-ISTORJA TAL-BINI TA’ PALAZZI STORIĊI  

0
56

 Heritage Malta, b’kollaborazzjoni mal-inizjattiva Ewropea COST Action EUROGLOSS, temmet b’suċċess workshop internazzjonali intensiv ta’ jumejn bit-titlu Palaces Beyond the Written Source: The Case Study of Malta. L-attività, li saret fit-23 u fl-24 ta’ Ottubru, laqqgħet f’Malta esperti Ewropej fl-istorja tal-arkitettura u tal-kostruzzjoni, arkeologi, storiċi, arkivisti u speċjalisti fil-konservazzjoni. L-għan kien li jiġu esplorati metodoloġiji innovattivi għall-istudju ta’ palazzi storiċi meta d-dokumenti miktuba jkunu neqsin jew mhux kompluti. 

Il-workshop kien parti mill-proġett EUROGLOSS (A Glossary of Technical Construction Vocabulary in 17th–18th Century European Court Residences, CA24102), immexxi minn Valentina Burgassi tal-Politecnico di Torino u ffinanzjat mill-programm Ewropew COST Action taħt il-qafas ta’ Horizon Europe. Il-proġett jindirizza n-nuqqas ta’ għarfien storiku sistematiku dwar il-kostruzzjoni f’diversi pajjiżi Ewropej, billi jgħaqqad esperti minn dixxiplini differenti bil-għan li joħolqu database diġitali b’aċċess miftuħ u glossarju multilingwi standardizzat. B’attenzjoni partikolari fuq is-siti kbar ta’ kostruzzjoni tar-residenzi rjali Ewropej tas-sekli 17 u 18, il-proġett jistudja rendikonti ta’ artiġjani, rapporti dwar ix-xogħlijiet, u pjanti arkitettoniċi biex jiddokumenta t-terminoloġija marbuta mal-kostruzzjoni u jsegwi kif il-vokabularju tekniku u t-teknika tal-bini nxterdu madwar l-Ewropa. 

Il-workshop ġie mfassal u organizzat minn tim ta’ riċerkaturi magħmul minn Leone Carlo Ghoddousi (l-Italja), Christian Mifsud (Malta), Felix Schmieder (il-Ġermanja) u Emine Çiğdem Asrav (it-Turkija). 

Fil-kuntest Malti, limitazzjonijiet amministrattivi storiċi u ġrajjiet tal-imgħoddi ħallew il-materjal arkivistiku mhux komplut, u dan joħloq sfidi partikolari għar-riċerkaturi. Għalhekk, it-tim organizza din l-attività biex jeżamina kif evidenza mhux miktuba, bħall-arkeoloġija strutturali u l-analiżi fiżika tal-materjali, tista’ tgħin biex jiġu rikostruwiti l-fażijiet kumplessi tal-bini u s-sengħa tal-bennejja u l-artiġjani ta’ dari, meta d-dokumentazzjoni miktuba tkun skarsa. 

Il-programm ta’ jumejn għaqqad flimkien diskussjonijiet teoretiċi u riċerka komparattiva fuq il-post f’diversi palazzi storiċi taħt il-ħarsien ta’ Heritage Malta. Fl-ewwel jum, il-parteċipanti ltaqgħu fil-Berġa tal-Italja, illum MUŻA, fil-Belt Valletta, għal sessjonijiet introduttorji. Dawn ġew segwiti minn żjara ggwidata fil-wirja temporanja Cor Unum, Multiplicia Nomina: Rethinking the langue of Italy in Context fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta, kif ukoll żjara fil-Palazz tal-Gran Mastru. Fit-tieni jum, l-attivitajiet komplew fil-Birgu, fejn il-parteċipanti wettqu analiżi fuq il-post fil-Forti Sant’Anġlu u fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Il-programm intemm b’diskussjoni bejn l-esperti madwar mejda. Page 2 of 2 

Matul il-workshop, id-diskussjonijiet interdixxiplinarji ffukaw fuq l-arkeoloġija fiżika u strutturali biex tiġi interpretata t-teknika tal-bini; analiżi komparattiva ta’ evidenza dwar il-palazzi residenzjali f’Malta u xejriet usa’ fir-residenzi rjali Ewropej; kif ukoll ir-rabta bejn l-elementi fiżiċi tal-bini u t-terminoloġija storika. Dawn l-istudji u l-konklużjonijiet tagħhom se jikkontribwixxu direttament għall-pjattaforma diġitali tal-proġett EUROGLOSS. 

Bit-tlaqqigħ ta’ studjużi internazzjonali u speċjalisti lokali fi wħud mill-aktar palazzi storiċi importanti ta’ Malta, din l-inizjattiva kellha l-għan li tkattar l-istudju tal-prattiki tal-kostruzzjoni fil-perjodu modern bikri, filwaqt li tintegra l-patrimonju Malti direttament f’riċerka Ewropea avvanzata. 

Għal aktar tagħrif dwar l-inizjattivi ta’ Heritage Malta u attivitajiet ta’ riċerka li ġejjin, idħol hawn: www.heritagemalta.mt 

Biex issir taf aktar dwar il-proġett EUROGLOSS, idħol hawn: https://www.cost.eu/actions/CA24102 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here