INGILTERRA… 1
SVIZZERA……. 1
(Ingilterra 5-3 bil-penalties)
Mingħajr ma kkonvinċew l-Ingilterra għaddew għas- semi-finali tal-Euro 2024 meta għelbu lill-Isvizzera 5-3 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 1-1.
Wara bidu kwiet, fis-17-il minuta, l-Ingliżi appellaw għal penalty meta Harry Kane waqa’ mal-art fil-kaxxa f’kuntatt ma’ Ricardo Rodriguez, iżda kien kollox normali għar-referee Taljan, Daniele Orsato.
Mal-ħin it-Three Lions bdew iżidu l-pressjoni iżda l-Isvizzeri ma tawhom l-ebda ċans biex jimmanuvraw hekk kif bdew jagħlqu l-ispazji neċessarji.
Fis-27 minuta, xogħol tajjeb ta’ Bukayo Saka seta’ ħalla l-frott mixtieq iżda l-periklu mill-cross tiegħu ġie mtajjar mid-difiża Svizzera.
Minuta qabel tmiem l- ewwel taqsima, Saka daħal il-kaxxa u għadda lejn Kobbie Mainoo li f’tarf il-kaxxa ż-żgħira ġie nnewtralizzat minn Granit Xhaka biex l-Isvizzeri ħelsuha ħafif.
Fit-52 minuta, l-Isvizzera ħolqu l-ewwel periklu meta Remo Freuler għadda lejn Breel Embolo li dar ma’ Ezri Konsa iżda x-xutt tiegħu kien kemmxejn dgħajjef biex il-goalkeeper, Jordan Pickford, salva bla tbatija.
Fil-65 minuta, Michel Aebischer seta’ għamel aħjar meta d-difiża Ingliża kklerjat qasir bil-ballun jasal għandu iżda għolla l-mira.
Iżda fl-74 minuta, l-Isvizzeri fetħu l-iskor meta Dan Ndoye xeħet cross fil-baxx li qarraq għal kollox bid-difiża Ingliża u BREEL EMBOLO ġebbed siequ biex irtokka l-ballun għar-rokna tax-xibka.
Ir-reazzjoni tal-Ingliżi kienet waħda mmedjata u fit-80 minuta kisbu d-draw meta BUKAYO SAKA ġibed lejn tarf il-kaxxa u b’xutt imdawwar għeleb lill-goalkeeper, Yann Sommer …. biex il-partita marret fil-ħin barranin.
U proprju fir-raba’ minuta Sommer evita goal ċert meta dawwar f’corner ix-xutt ta’ Declan Rice li kien immirat lejn ir-rokna tax-xibka.
Fil-101 minuta, Jude Bellingham falla ċans tajjeb meta minn pożizzjoni ideali xxuttja ċentrali.
Tliet minuti mit-tmiem, l-Isvizzeri laqtu l-lasta minn corner dirett ta’ Xherdan Shaqiri.
Bil-partita tmur għall- għoti tal-penalties kienu t-Three Lions li ttrijonfaw.