SPANJA ………..2
ĠERMANJA ……1
(wara l-ħin barrani)
Spanja kkwalifikaw għas- semi-finali tal-Euro 2024, meta għelbu lill-ospiti, il-Ġermanja, bl-iskor ta’ 2-1 fil-ħin barrani. Dan il-konfront kien denju ta’ finali u kienet ħasra li team minnhom kellu joħroġ tellief.
Kienu Spanja li ħarġu fuq l-offensiva meta wara ftit sekondi, Pedri mpenja minn tarf il-kaxxa lill-goalkeeper, Manuel Neuer, li kien attent biex evita goal kmieni. Fit-12-il minuta, huma resqu viċin u bl-għajta tal-goal, xutt ta’ Nicol William mid-distanza għadda jħakkek mal-wieqfa.
Fl-20 minuta, il-Ġermaniżi wieġbu għall-ewwel darba meta Joshua Kimmich xeħet cross lejn Kai Havertz li għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet wisq ċentrali biex il-goalkeeper, Unai Simon, seta’ jsalva.
Fl-40 minuta, Neuer kien providenzjali għall-Ġermaniżi meta wettaq save kbir fuq tentattiv ta’ Olmo.
Madankollu, fit-52 minuta, l-istess DANI OLMO fetaħ l-iskor għal Spanja meta xeħet fir-rokna tax-xibka mill-pass ta’ Yamal.
Ir-reazzjoni tal-Ġermanja waslet fid-69 minuta, b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Robert Andrich li sab lil Simon attent.
Fis-77 minuta kienu ferm sfortunati li ma kisbux il-goal tad-draw meta x-xutt ta’ Niclas Fulkrug ħabat man-naħa ta’ barra ta’ sieq il-lasta.
Fit-83 minuta, Kai Havertz seta’ għamel aħjar meta qabad lil Simon barra minn postu biex llobja minn fuq rasu iżda l-ballun niżel fuq ix-xibka.
Peró minuta mit-tmiem, il-Ġermaniżi ġew ippremjati meta mill-cross ta’ Mittlestadt, Toni Kross niżżel il-ballun bir-ras għan-nofs fejn FLORIAN WIRTZ kien pront u xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka megħjun mill-wieqfa biex il-partita marret għall-ħin barrani.
Fil-106 minuta, il-Ġermaniżi appellaw għal penalty meta x-xutt ta’ Jamal Musiala ħabat ma’ id Marc Cucurella iżda kien kollox normali għar-referee Ingliż, Anthony Taylor.
Fil-119-il minuta, Spanja skorjaw il-goal tar-rebħa minn daqqa ta’ ras ta’ MIKEL MERINO.
Peró, din ir-rebħa kienet imtappna bit-tkeċċija ta’ Daniel Carvajal (126) meta ntwera t-tieni karta safra għal foul ikrah fuq Musiala.