Sunday, December 1, 2024

Fi stadju avvanzat il-liġi li tirregola l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin f’Malta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Is-suq tax-xogħol evolva u għaldaqstant ifisser li jridu jidħlu standards ġodda. Se nkunu qegħdin nirreaġixxu b’liġi li tirregola t-temping agencies, li huma dawk l-aġenziji li ilhom jeżistu għal snin f’pajjiżna u xogħolhom huwa li jġibu ħaddiema fil-pajjiż… hemm se nkunu qegħdin nintroduċu dawn l-istandards ġodda.”

Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’intervista li saritlu fuq ONE Radio, fejn ħabbar li x-xogħol fuq il-liġi l-ġdida li tirregola t-tamping agencies jinsab fi stadju avvanzat.

Huwa għamilha ċara li min hu serju se jkun inċentivat u min huwa dixxiplinat fl-operat tiegħu se jkun imbuttat ‘il quddiem. “Min mhux serju, min mhux dixxiplinat u lil min irid jikkapitalizza fuq il-ħaddiema mhux se naċċettawh,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Dr Abela tenna li l-Partit Laburista huwa partit li t-twemmin tiegħu huwa bbażat madwar il-prinċipji soċjalisti u għaldaqstant staqsa kif qatt jista’ jaċċetta mudell ta’ xogħol li jkun ibbażat fuq l-isfruttament ta’ ħaddiema.
Tenna li għalhekk din il-bidla flimkien ma’ qafas leġiżlattiv li diġà hemm fis-seħħ u oħrajn li jridu jiġu introdotti u anke permezz ta’ infurzar b’saħħtu, huma kollha passi f’din id-direzzjoni. “Se nifirdu lil min mhux serju minn dawk li huma serji,” saħaq il-Prim Ministru.

Sport