Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-jiem ta’ wara l-Budget, jiġifieri fit-28 ta’ Ottubru li ġej, se jkun qed jinawgura investiment b’saħħtu li joħloq green jobs u karrieri ta’ kwalità. Semma li investiment ieħor ta’ kwalità fil-qasam tal-ospitalità li se jkun qed jiġi inawgurat.
Waqt laqgħa ta’ djalogu bit-tema ta’ ‘Stabbiltà u Serħan il-Moħħ għall-familji u n-negozji’, il-Prim Ministru tkellem kif pajjiżna jrid jibqa’ joħloq l-aqwa opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-familji Maltin u Għawdxin. Semma l-kunċett ta’ wellbeing li huwa wiesa’. Irrimarka li l-Gvern illum għandu mandat biex iwettaq programm ta’ ħidma msejjes fuq wellbeing index li fih numru ta’ kriterji marbuta mat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fosthom fl-edukazzjoni, fis-saħħa u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Dr Abela semma li Gvern Laburista għandu impenn politiku li fuq medda ta’ leġiżlatura, itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji b’25%.
Fid-diskussjoni li fiha ipparteċipaw Keith Azzopardi (sid ta’ start-up innovattiv), Nicole Farrugia (Avukat żagħżugħa li għadha kif gradwat) u Daniel Farrugia Camoin (Psiko-terapista). Il-Prim Ministru Robert Abela fisser li l-Gvern, mhux biss bl-investiment finanzjarju, fosthom bis-sussidju fl-enerġija u fil-fjuwils, irid ikun man-nies u warajhom biex jipproteġihom. Il-Mexxej Laburista Robert Abela rrefera għal stħarriġ riċenti minn kumpanija internazzjonali rinomata (Opinium) li mill-pajjiżi kollha madwar id-dinja li qed jitqiesu favorevoli għal ftuħ ta’ negozju u investiment din is-sena, Malta kklassifikat fl-14-il pożizzjoni.
B’rabta mas-sostenn għan-negozji, Dr Abela tkellem dwar l-Istart-Up Festival li fih tħabbar li 50 start-up ngħataw total ta’ €15-il miljun f’assistenza finanzjarja biex ikabbru l-operat tagħhom. “Negozji li diġà ħolqu mal-250 impjieg ta’ kwalità, b’paga medja ta’ €46,000”, qal Dr Abela. Il-Prim Ministru fakkar inizjattiva li daħlet fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid fejn żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena li jkunu qed jidħlu għall-ewwel darba fid-dinja tan-negozju se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja għall-miżati relatati mat-twaqqif u ż-żamma tal-kumpanija, kif ukoll minn rifużjoni tal-ispejjeż legali marbuta mal-inkorporazzjoni tagħha.
Inizjattiva oħra li semma l-Prim Ministru u li qed tħalli r-riżultati dwar l-innovazzjoni hija dik tal-Malta Venture Capital fejn il-Gvern ħoloq strument ġdid biex ikun ukoll sieħeb fit-tkabbir ta’ kumpaniji innovattivi b’potenzjal. “Diġà investejna aktar minn €4 miljun f’14-il kumpanija f’setturi differenti bħal Fintech, Medtech u Intelliġenza Artifiċjali fost l-oħrajn”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru Robert Abela għamel referenza għaż-żjara li għamel fl-Alternative Learning Programme (ALP) f’Raħal Ġdid u diversi intrapriżi f’postijiet tax-xogħol fejn qed naraw li f’pajjiżna t-talent u l-potenzjal ta’ kulħadd jiġi milħuq. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Budget li ġej se jkompli jagħti stabbiltà u serħan il-moħħ biex l-investituri jibqa’ jkollhom fiduċja, mhux biss dawk li jħaddmu mijiet imma anki s-self-employed li llum dawk full-time biss jammontaw għal 32,500 f’pajjiżna. Qal li l-ħaddiema ġenituri se nerġgħu niffrankawlhom l-income tex filwaqt li l-ħaddiema kollha se jerġgħu jgawdu minn tax cut li issa dieħla fit-tielet sena. Dan flimkien mal-investiment għal sena oħra fil-pensjonanti. Dan kollu qed nagħmluh filwaqt li l-qagħda fiskali ta’ pajjiżna tibqa’ waħda b’saħħitha.
Fid-diskussjoni, Keith Azzopardi tkellem dwar ir-reżiljenza u l-perserveranza tal-imprenditur Malti. Semma l-inċentivi li rċieva biex ħoloq prodott li ma sar imkien madwar id-dinja. Il-psiko-terapista Daniela Farrugia Camoin tkellem dwar kunċett usa’ tal-wellbeing fejn spjegat kif Gvern miegħek jinvesti fil-familji u n-negozji mhux biss b’inċentivi finanzjarji. Semmiet il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u l-importanza li l-familji dejjem ikollhom aktar ħin ta’ kwalità flimkien. Nicole Farrugia tat l-esperjenza tagħha fil-ħajja studenteska u issa li daħlet fid-dinja tax-xogħol. Semmiet li rat differenza fl-istipendju, li żdied, minn mindu daħlet l-Università sakemm waslet biex temmet il-kors.
Fid-diskussjoni intervjeniet ukoll il-Professur Janice Formosa Pace, li hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Kriminoloġija fl-Università ta’ Malta u l-Viċi President taċ-Chamber of SMEs Philip Fenech. Il-Professur Formosa Pace semmiet l-importanza ta’ komunitajiet siguri. Semmiet kif fi żmien ta’ avvanz ekonomiku, it-tendenza hija li r-rata ta’ kriminalità togħla iżda dan mhux il-każ f’pajjiżna. Hija rreferiet għal sfidi li kellna dan is-sajf iżda kellna awtoritajiet li kienu man-nies u ħadu l-azzjonijiet filwaqt li l-Gvern ħarrax id-deterrent kontra min jagħmel vandaliżmu u jikser il-paċi pubblika. Min-naħa tiegħu Philip Fenech tkellem dwar l-importanza tas-sussidji fl-enerġija u rrefera għas-Summit tal-WTTC fejn f’pajjiżna konna qatt qabel ma rajna l-aqwa investituri fid-dinja taħt saqaf wieħed jitkellmu dwar fiduċja f’pajjiżna u lesti jinvestu bil-kwalità.

