Sunday, December 22, 2024

Fit-8 ta’ Ġunju l-għażla hija dwar x’futur irridu għal pajjiżna

Aqra wkoll

“Bħal-lum xahar eżatt, imsejħin biex nagħmlu għażla. Għażla li mhijiex biss dwar partit jew ieħor, imma hija għażla dwar x’pajjiż irridu. It-8 ta’ Ġunju hija ġurnata importanti għat-tmexxija tal-lokalitajiet kollha tagħna, hija importanti biex niddeterminaw x’Ewropa rridu ngħixu fiha.  Hija importanti biex inkomplu niddeċiedu x’futur iridu għal dan il-pajjiż.”

Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza attività politika f’Bormla.

Dr Abela saħaq li l-Partit Nazzjonalista reġa’ ġie għal elezzjoni oħra bla pjan. Tenna li pajjiżna jixraqlu li jmexxuh nies li jħobbuh, nies li jaħdmu biex pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem, nies li ħsiebhom biss biex jibqgħu jagħmlu l-ġid għal pajjiżna. “Dawn in-nies huma intom u aħna maqgħudin flimkien, Maltin ta’ rieda tajba,” sostna Dr Abela.

Huwa saħaq li dan il-Gvern dak li jwiegħed jwettqu u semma uħud mill-miżuri mwettqa bħal l-akbar żieda fl-istorja tal-paga minima nazzjonali, l-akbar żieda fiċ-children’s allowance, ta għajnuna kontra l-għoli tal-ħajja, żamm il-prezzijiet tad-dawl u tal-fjuwils stabbli, ta l-akbar żieda fl-istorja lill-pensjonanti, biddel il-pjan lokali biex isalva żona daqstant kbira daqs Ħondoq ir-Rummien, fost miżuri oħra. “Dan huwa pajjiż b’saħħtu, b’poplu li huwa dinamiku u reżiljenti. Poplu li għandu aspirazzjonijiet għolja u aħna dawk l-aspirazzjonijiet se nagħmluhom realtà,” sostna l-Prim Ministru.

Huwa semma kif għall-kunsilli lokali hemm pjan għal kull lokalità għal aktar servizzi, għal aktar proġetti ta’ fejda, għal aktar spazji miftuħa. “Ħaddieħor, dawk li jgħidu li jħobbu l-ambjent, ħadulkom art daqs is-Siġġiewi u tawha għall-bini. Aħna se nagħtukom spazju aħdar u miftuħ sa 10 minuti mixi minn darkom,” sostna Dr Abela.

“Ibgħatulhom messaġġ ċar lil dawk li jridu jreġġgħu l-arloġġ lura. Dan il-poplu mhux lest jieqaf milli jibqa’ miexi ’l quddiem. Flimkien nistgħu naraw li intom tibqgħu tiksbu aktar. Flimkien nistgħu nibqgħu nagħtu s-saħħa lill-Għawdxin, is-saħħa lill-Maltin,” temm jgħid il-Mexxej tal-Partit Laburista.

Ekonomija

Sport