Friday, April 19, 2024

Fl-2020 inqatlu 277 attivist ambjentali

Anthea Cachia
Anthea Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Covid-19 għamlithom aktar vulnerabbli għall-attakki 

Fis-sena 2020, 277 persuna mietu waqt li kienu qegħdin jipproteġu l-foresti, ix-xmajjar u ekosistemi oħra. Din iċ-ċifra, rrapurtata minn Global Witness, hija waħda rekord, tant li mill-2013 s’issa, jiġifieri f’perjodu ta’ tmien snin, iċ-ċifra rduppjat. 

Ir-rapport ta’ Global Witness jirreferi għalihom bħala “difensuri tal-ambjent”, u jisħqu li terz tan-numru totali nqatlu wara li ppruvaw iwaqqfu milli jsir aktar sfruttament ta’ riżorsi. Dan jinkludi, qtugħ tas-siġar, minjieri, agro-negozji kbar, digi idro-elettriċi u infrastruttura. L-organizzazzjoni tgħid ukoll li mill-ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, fl-2015, kull ġimgħa kienu jinqatlu medja ta’ erba’ attivisti. 

Żiedu jgħidu li din iċ-ċifra xokkanti, aktarx kienet sottovalutata kawża ta’ numru ta’ restrizzjonijiet, li dejjem qed jikbru, fuq il-ġurnalisti flimkien ma’ libertajiet ċiviċi oħra. 

Jidher li l-aktar kawża komuni li waslet għal qtil kienet il-qtugħ tas-siġar, hekk kif kien hemm 23 każ imferrxin bejn il-Brażil, in-Nikaragwa, il-Peru u l-Filippini. Il-maġġoranza tal-każi, b’mod ġenerali, ta’ spiss ikunu individwi indiġeni, li jiġġieldu ta’ spiss kontra t-tibdil fil-klima, minkejja li kull ma jagħmlu huma 5 fil-mija biss mill-popolazzjoni globali. 

Liema pajjiżi raw l-akbar traġedji?

Fl-2020, il-Kolumbja kellha l-għola numru t’attakki, b’total ta’ 65 persuna mejta. “L-attakki qegħdin jiżdiedu. Qed naraw iċ-ċifri minn diversi settijiet ta’ data minn madwar id-dinja” qal Chris Madden, wieħed mill-awturi tar-rapport. 

Wieħed mill-vittmi huwa Gonzalo Cardona, li rnexxielu jsalva pappagall speċifiku, magħruf li jkollu rix isfar fuq widnejh, milli jsiru estinti, minn gang kriminali. Vittma ieħor huwa gwardjan tal-foresti (forest ranger), Yamid Alonso Silva, li nqatel viċin il-park nazzjonali El Cocuy. Francisco Vera, tifel ta’ 12-il sena, minkejja li ma nqatilx qiegħed jiġi mhedded kawża  tal-attiviżmu li qiegħed jagħmel fuq il-midja soċjali, Twitter. 

It-tieni l-aktar nazzjon li fih l-attivisti qegħdin jitilfu ħajjithom huwa l-Messiku, wara li 30 persuna ġiet maqtula. Wieħed minn dawn kien Óscar Eyraud Adams, raġel indiġenu mit-teritorju ta’ Kumiai fil-Messiku. Huwa kien qiegħed jipprotesta hekk kif is-sors tal-ilma tar-raba’ spiċċa għalkollox,  għaliex l-ilma beda jmur f’żoni aktar sinjuri u lejn fabbrika tal-Heineken. 

Fit-tielet post hemm il-Filippini b’29 imwiet, l-aktar post li joqtlu fih attivisti fl-Ażja u l-aktar li ra massakkri. L-aktar każ xokkanti kien fit-30 ta’ Diċembru meta l-militari u l-pulizija biċċru disa’ individwi indiġeni, magħrufa bħala Tumandok, li kienu ilhom jipprotestaw minħabba proposta ta’ diga kbira fix-xmara Jalaur, fil-Panay. 

Il-covid-19 kompla jfixkel

Madden saħaq li s-sena 2020 kellha tkun waħda fejn id-dinja tieqaf, “iżda dan ma jfissirx li waqfu l-attakki. F’ċertu pajjiżi, il-protesti waqfu iżda l-industriji komplew. Dan rajnih fil-minjieri fil-Filippini u aktar kaċċa llegali fl-Amazon”. 

Global Witness, fir-rapport tagħha spjegat li 158 pajjiż madwar id-dinja għamlet restrizjonijiet ġodda li inkluż li ma jsirux demostrazzjonijiet, kawża tal-pandemija. F’ċertu każi, jgħidu, li il-lockdown għamlitha eħfef għall-qattiela biex isibu l-attivisti u dawk l-individwi li jagħmlu l-kampanji favur l-l-ambjent aktar vulnerabbli għal attakki diġitali. 

Sport