Hekk kif il-ġuri kontra Yorgen Fenech jinsab fit-tmiem tal-52 jum ta’ smigħ u fl-aktar fażi determinanti tiegħu, l-Imħallef Edwina Grima bdiet tagħti d-direzzjonijiet legali tagħha lill-ġurati dwar kif għandhom jiżnu l-provi qabel ma jidħlu jiddeliberaw u jagħtu l-verdett tagħhom. Din hija gwida ċara fuq kif l-imħallef qed tispjega x’inhuma l-passi proċedurali li jmiss minn issa ‘l quddiem u kif se jaħdem il-proċess tad-deċiżjoni fil-kamra tad-deliberazzjoni.
L-injorar tat-titoli fuq il-media, il-kummenti tal-avukati u l-pressjoni esterna
L-Imħallef għamlitha ċara li l-ġurati għandhom jibqgħu kompletament indipendenti minn kull influwenza esterna.
Ġew struzzjonati biex jinjoraw totalment kull aħbar jew titlu li setgħu raw fuq it-tablets tagħhom jew fil-media, minħabba li l-aħbarijiet mandhom l-ebda valur ta’ prova. L-Imħallef Grima avżathom ukoll biex ma jħallux diskorsi emozzjonali, id-drammatiżmu ġol-awla, jew kummenti mgħoddija mill-avukati jaffettwaw ir-raġunament tagħhom. Xogħolhom mhuwiex li jiġġudikaw lill-investigaturi, iżda biss li jiddeċiedu jekk Yorgen Fenech huwx ħati jew le abbażi strettament fuq il-provi li ġew ppreżentati l-Qorti.
Il-preżunzjoni tal-innoċenza hija assoluta u l-livelli ta’ provi.
Il-piż li tiġi ppruvata l-ħtija tal-akkużat jaqa’ 100% fuq il-Prosekuzzjoni. Id-Difiża m’għandha l-ebda obbligu legali li tipprova l-innoċenza ta’ Fenech. Fenech jibqa’ meqjus bħala innoċenti sal-mument li l-ġurati jagħtu l-verdett ta’ ħtija. Jekk il-Prosekuzzjoni tfalli li tipprova anke wieħed mill-elementi legalment meħtieġa, il-ġurati huma obbligati mil-liġi li jeħilsu lill-akkużat.
L-imħallef spjegat kif jaħdmu il-livelli ta’ provi fil- qorti. Il-livell ta’ possibbiltà (50/50) mhijiex biżżejjed biex tinstab ħtija. Probabbiltà titqies bħala l-livell li trid tilħaq id-Difiża biex tressaq spjegazzjoni alternattiva u tqajjem dubju raġonevoli. Lil hinn minn dubju raġonevoli huwa l-livell meħtieġ biex Fenech jinstab ħati. Din ma tfissirx ċertezza assoluta (li hi impossibbli fl-affarijiet umani) iżda li l-ġurati jkunu konvinti mingħajr dubju ġenwin u bbażat fuq ir-raġuni. Kwalunkwe dubju sostanzjali jrid immur favur l-akkużat.
L-akkużi speċifiċi kontra Yorgen Fenech
Dwar l-att ta’ akkuża kontra l-imprenditur ta’ 44 sena. Il-Prosekuzzjoni tallega li Fenech kien il-finanzjatur u l-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana galizia fl-2017, fejn uża lil Melvin Theuma biex jikkuntattja, jagħti struzzjonijiet u jħallas lill-esekuturi.
Biex Fenech jinstab ħati, il-Prosekuzzjoni trid tipprova kemm l-atti fiżiċi kif ukoll l-intenzjoni kriminali diretta. L-Imħallef enfasizzat li filwaqt li l-mottiv jista’ jgħin bħala provi korroborattivi, il-liġi mhijiex obbligata li tipprova mottiv biex tinstab il-ħtija.
Il-kompliċità vs l-assoċjazzjoni kriminali
L-Imħallef spjegat id-differenza teknika bejn iż-żewġ akkużi. Fenech mhux akkużat li sploda l-bomba huwa stess. Taħt il-liġi Maltija, kompliċi huwa min jordna, inċita, jiffinanzja, jagħti struzzjonijiet jew jipprovdi l-mezzi biex isir ir-reat. Legalment, il-kompliċi jġorr l-istess responsabbiltà kriminali tal-esekutur.
L-Imħallef użat lil Vince Muscat (il-Koħħu) bħala eżempju ta’ esekutur prinċipali għax kien hu li wettaq l-azzjoni fiżika fid-delitt. L-akkuża ta’ assoċjazzjoni kriminali sseħħ il-mument li żewġ persuni jew aktar jiftiehmu pjan b’intenzjoni kriminali. L-Imħallef iċċarat li dan ir-reat huwa komplut u konsummat mill-mument eżatt li jsir il-ftehim, irrelevanti jekk jimxi ‘l quddiem il-pjan. B’hekk, prova ta’ kompliċità awtomatikament turi li kien hemm assoċjazzjoni kriminali.
Prova ta’ smigħ (Hearsay) u l-libertà fit-tqassir tax-xhieda
Prova diretta tiġi minn xhud li ra, sema’, jew analizza l-fatti b’għajnejh jew b’widnejh. Xhieda hearsay (meta Persuna A tgħid x’qaltilha Persuna B) mhijiex prova diretta li l-fatt seħħ u ma tistax toqgħod fuqha waħedha.
Il-ġurati għandhom libertà sħiħa meta jevalwaw xhud. Mhumiex marbuta li jemmnu x-xhud f’kollox jew xejn; jistgħu jagħżlu li jemmnu xhud f’kollox, ma jemmnuh f’xejn, jew jemmnu parti minn xhieda u jarmu l-bqija.
Il-proklama presidenzjali ta’ Melvin Theuma
Il-proklama hija għodda straordinarja legali biex xhud li kien kompliċi jingħata l-garanzija li ma jiġix pproċessat sakemm jixhed dwar id-delitt. Theuma ngħata l-proklama fuq kundizzjoni li jgħid il-verità kollha. Jekk jiġi ppruvat li gideb, il-proklama tiġi revokata immedjatament u jiffaċċja l-qorti. Minħabba li Theuma stess kien kompliċi fid-delitt, il-liġi Maltija teħtieġ li l-Imħallef twaqqaf lill-ġurati biex jimxu b’kawtela kbira lejn ix-xhieda tiegħu u jqabbluha mal-bqija tal-provi.
L-inkonsistenzi bejn xhieda ta’ xhud differenti
Meta xhud jew l-akkużat ibiddel il-verżjoni tiegħu kontinwament jew ma jkunx konsistenti mad-dikjarazzjonijiet l-oħra, dan naturalment jinstiga dubju serju dwar kemm qed jgħid il-verità. Min-naħa l-oħra, żewġ persuni li raw l-istess inċident b’għajnejhom jistgħu jiftakru dettalji żgħar b’mod differenti. Nuqqas ta’ qbil dwar dettalji żgħar ma jfissirx li x-xhud qed jigdeb, iżda jirrifletti l-mod naturali kif l-bnedmin jipproċessaw u jiftakru avvenimenti differenti.
