Tuesday, December 24, 2024

Fl-aħħar tliet xhur tal-2023 l-impjiegi laħħqu 305,218

Aqra wkoll

Stimi tal-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol għar-rabaʼ kwart tal-2023, juru li n-numru taʼ impjiegi kien ilaħħaq 305,218 jew 64.4 fil-mija tal-popolazzjoni fl-età taʼ 15-il sena u aktar. L-ammont taʼ persuni qiegħda kien 1.9 fil-mija, filwaqt li n-numru taʼ persuni mhux attivi fis-suq tax-xogħol kien taʼ 159,620. Fl-istess perjodu, r-rata tal-attività fis-suq tax-xogħol kienet taʼ 81.4 fil-mija, bl-ogħla rata tkun fost il-persuni fl-età taʼ bejn il-25 u l-54 sena.

Ċfri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika – NSO – juru li bħala medja, 79 fil-mija tal-persuna fl-età bejn il-15 u l-64 sena kienu qegħdin f’impjieg. Għall-irġiel, ir-rata tax-xogħol kienet taʼ 85.5 fil-mija, filwaqt li għan-nisa r-rata kienet taʼ 71.4 fil-mija. Dawk li jaħdmu għal rashom kienu jammontaw għal 14.4 fil-mija tan-nies kollha bʼimpjieg ewlieni.

Fil-biċċa l-kbira tagħhom, in-nies li jaħdmu huma mpjegati full-time u kienu jgħoddu 268,640, filwaqt li 36,578 oħra kellhom impjieg part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom.

Ir-riżultati juru li, bħala medja, il-persuni full-time ħadmu ftit aktar minn 41 siegħa, filwaqt li dawk part-time ħadmu 22.2 siegħa fil-ġimgħa. Fir-raba’ kwart tal-2023, in-nies f’impjieg fil-fatt ħadmu 32.7 siegħa fil-ġimgħa, 1.2 taʼ siegħa inqas meta mqabbla mal-istess kwart tas-sena taʼ qabel.

Bejn Ottubru u Diċembru, is-salarju bażiku medju fix-xahar tal-impjegati kien stmat €1,837. L-ogħla salarju bażiku kien irreġistrat fil-qasam tal-attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni. Is-salarji medji fix-xahar varjaw minn €1,120 fost persuni impjegati fʼxogħlijiet elementari għall-€2,959 fil-grad ta’ maniġers.

Ekonomija

Sport