Minn Cristian Muscat
Malta dan l-aħħar temmet esperjenza memorabbli fl-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja u Festival tal-FIFA ta’ taħt il-15-il sena fl-Ażerbajġan, fejn mhux biss kisbet esperjenza internazzjonali importanti, iżda kitbet ukoll paġna ġdida fl-istorja tal-futbol Malti.
It-tim immexxi mill-kowċ Davide Mazzotta kien fost il-189 nazzjon li ħadu sehem f’din il-manifestazzjoni, li ntlagħbet b’format innovattiv ta’ tmien plejers kontra tmienja. Għal Malta din kienet esperjenza kompletament ġdida, b’għaxar logħbiet fi ftit jiem kontra avversarji minn kontinenti u kulturi differenti.
Fuq kollox, it-tim Malti kiseb l-ewwel rebħa fl-istorja tiegħu f’kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, meta għeleb lis-Suriname 3-0, biex imbagħad kompla fuq dan is-suċċess b’rebħa kbira ta’ 6-0 kontra São Tomé u Príncipe.
Għal Mazzotta, iżda, din l-esperjenza kienet tfisser ferm aktar mir-riżultati miksuba fil-grawnd.
“Kienet esperjenza sabiħa ħafna u importanti għall-futbol Malti,” qal Mazzotta.
“Kollox kien differenti u ġdid għalina. Konna qed nilagħbu futbol ta’ taħt il-15-il sena b’format ta’ tmienja kontra tmienja. L-avveniment kien organizzat tajjeb ħafna u kien interessanti ferm.
“Is-subien ħadu gost ħafna, iżda fl-istess ħin kienet kompetizzjoni impenjattiva. Kollox kien isir b’ritmu mgħaġġel ħafna. Kellna l-logħob, l-ivvjaġġar minn post għal ieħor u ftit ħin għall-mistrieħ. Minkejja dan, il-plejers qatt ma gergru u aċċettaw kollox b’entużjażmu.”
Malta bdiet l-impenji tagħha fi Grupp Z kontra l-Kenja, in-Niġer, iċ-Chad, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Panama, qabel kompliet fit-tieni fażi tal-kompetizzjoni.
“Kellna ċ-ċans nilagħbu kontra nazzjonijiet li forsi dawn il-plejers qatt aktar mhu se jkollhom l-opportunità jiltaqgħu magħhom fil-karriera tagħhom.
“Il-livelli kienu għoljin u proprju għalhekk din kienet esperjenza formattiva importanti ħafna. Ma kinitx biss kwistjoni ta’ rebħ jew telf. Dawn huma esperjenzi li jgħinu lill-plejer jikber.”
Il-plejers Maltin kellhom ukoll l-opportunità jesperjenzaw l-atmosfera ta’ avveniment kbir organizzat mill-FIFA u jiltaqgħu ma’ personalitajiet importanti ħafna tal-futbol internazzjonali.
“Meta tkun f’manifestazzjoni fejn hemm nies bħal Gianni Infantino, Pierluigi Collina u Arsène Wenger, tinduna aktar kemm kienet esperjenza importanti.
“Għal plejer Malti ta’ 15-il sena, li jkun f’dak l-ambjent u jiltaqa’ ma’ dawn il-personalitajiet hija xi ħaġa li se jibqa’ jiftakar.”
Naturalment, wieħed mill-isbaħ mumenti wasal bir-rebħa ta’ 3-0 kontra s-Suriname, l-ewwel waħda ta’ Malta f’kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA. Wara waslet ukoll ir-rebħa ta’ 6-0 kontra São Tomé u Príncipe.
“Kienet l-ewwel rebħa ta’ Malta f’Tazza tad-Dinja u allura ovvjament kienet xi ħaġa storika,” sostna Mazzotta.
“Dawn it-tfal għandhom ikunu kburin ħafna għaliex għamlu xi ħaġa li se tibqa’ fl-istorja tal-futbol Malti.
“Madankollu, għalina bħala kowċis, importanti ħafna wkoll dak li se jieħdu magħhom minn din l-esperjenza. Lagħbu kontra stili differenti ta’ futbol, plejers b’karatteristiċi differenti u kulturi differenti. Dan kollu jgħinhom jikbru.”
Malta temmet l-esperjenza tagħha b’erba’ rebħiet, draw wieħed u ħames telfiet minn għaxar logħbiet, filwaqt li skorjat 22 gowl.
Mill-esperjenza pożittiva fl-Ażerbajġan, id-diskussjoni ma’ Mazzotta daret ukoll fuq problema li qed tqajjem dejjem aktar tħassib fil-futbol Malti: x’jiġri minn dawn il-plejers meta jikbru u jaslu qrib il-livell tal-kbar?
“Bl-umiltà kollha tiegħi, naħseb li din hija mistoqsija li lkoll għandna nagħmlu,” qal Mazzotta.
“Għandna ftit ħafna plejers Maltin ta’ taħt il-21 sena li qed jilagħbu barra minn Malta, iżda mhux biss. Għandna wkoll ftit ħafna minn dawn il-plejers li qed jilagħbu regolarment fl-ogħla kampjonat Malti.
“Din hija xi ħaġa li tinkwetani.”
“Irridu nistaqsu għaliex dawn il-plejers mhux qed jilagħbu. Din mhix problema li jista’ jsolviha kowċ wieħed jew persuna waħda. Hija sitwazzjoni li rridu nitkellmu dwarha lkoll flimkien, il-klabbs, il-kowċis u l-Federazzjoni.”
Skont Mazzotta, it-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena għandu jkun wieħed mill-aktar stadji importanti fil-proċess ta’ żvilupp tal-plejer Malti.
“It-tim ta’ taħt il-21 sena huwa pass fundamentali. Huwa parti mill-proċess formattiv tal-plejer u għandu jippreparah biex eventwalment ikun jista’ jagħmel il-pass għat-tim nazzjonali tal-kbar.
“Din mhux biss kwistjoni fiżika. Hemm ukoll l-aspett mentali. Il-plejer irid jesperjenza logħbiet importanti, pressjoni, żbalji u responsabbiltà. Dawn huma affarijiet li takkwistahom billi tilgħab.”
Mazzotta tkellem ukoll dwar in-numru ta’ plejers barranin fil-futbol domestiku u l-effett li dan jista’ jkollu fuq iż-żgħażagħ Maltin.
“Meta jkollok timijiet bi tmien plejers barranin, naturalment isir aktar diffiċli għal plejer żagħżugħ Malti biex isib spazju.
“Mhux qed ngħid li l-plejers barranin huma l-unika problema. Irridu nħarsu lejn is-sitwazzjoni kollha. Iżda din hija kwistjoni li ma nistgħux ninjorawha.
“Xi kultant għandna plejers Maltin li huma tal-istess livell jew saħansitra aħjar, iżda jridu jingħataw iċ-ċans biex juruh.”
Għal Mazzotta, is-soluzzjoni trid tinstab permezz ta’ kollaborazzjoni bejn dawk kollha involuti.
“Il-Federazzjoni tista’ tgħin u l-klabbs jistgħu jgħinu. Il-klabbs tal-Premier League, is-setturi taż-żgħażagħ u t-timijiet nazzjonali huma kollha parti mill-istess proċess.
“Irridu nsibu mezzi u inċentivi li jgħinu lill-klabbs jagħtu aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ Maltin. Fl-aħħar mill-aħħar, meta tgħin lil dawn il-plejers tkun qed tgħin ukoll lit-tim nazzjonali.”
L-esperjenza fl-Ażerbajġan uriet x’jistgħu jagħmlu l-plejers żgħażagħ Maltin meta jingħataw opportunità jikkompetu f’livell internazzjonali.
Issa l-isfida hija li dan il-proċess ma jieqafx meta l-plejers jibdew joqorbu lejn il-futbol tal-kbar.
“Naturalment nixtiequ naraw plejers Maltin imorru jilagħbu barra minn Malta, pereżempju fl-Italja jew f’pajjiżi oħra. Iżda qabel nitkellmu fuq barra minn Malta, irridu narawhom jilagħbu hawn.
“Ma nistgħux naslu għal kwalifikazzjoni oħra tal-Under 21 u nagħtu lil De Leo plejers li għadhom mhux lesti għax ma jkunux qed jilagħbu biżżejjed mal-klabbs tagħhom.
“Din hija problema li rridu nsolvu.”
Għalhekk, għal Mazzotta, l-avventura storika fl-Ażerbajġan għandha tkun il-bidu u mhux it-tmiem ta’ proċess.
Ir-rebħiet miksuba se jibqgħu mniżżla fl-istorja, iżda l-akbar suċċess ikun jekk dawn il-plejers jingħataw l-opportunità jkomplu jiżviluppaw u eventwalment jaslu sal-ogħla livell.
“Dawn it-tfal huma parti mill-futur tal-futbol Malti,” temm jgħid Mazzotta.
“Ir-responsabbiltà tagħna hija li ngħinuhom jikbru, nagħtuhom l-opportunitajiet u nippreparawhom għat-tim ta’ taħt il-21 sena u, nittamaw, xi darba għat-tim nazzjonali tal-kbar.
“Fl-Azerbaijan rajna l-entużjażmu u l-potenzjal tagħhom. Issa rridu nagħmlu ċert li dak il-potenzjal ma jintilifx,” temm jgħid Mazzotta.




