Wednesday, April 24, 2024

FRAMMENTAZZJONI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Li s-suq wieħed Ewropew jispiċċa maqsum f’biċċiet – “frammentat” – hi theddida li trid tiġi mreġġa’ lura, għax inkella l-Ewropa tisfaxxa. Hekk jintqal. Mod kif dan jista’ jiġri hu billi l-hekk imsejħa għajnuniet tal-istat  (“state aids”) jerġgħu jidħlu bil-kbir biex il-gvernijiet jagħtu l-akbar sussidji lill-kumpaniji tiegħu.

Hemm ċertu raġun f’din il-mod kif jintwerew l-affarijiet. Għal sekli, l-pajjiżi Ewropej raw kif se jsostnu lill-industriji nazzjonali tagħhom billi jipproteġuhom b’kull mezz minn kompetizzjoni ġejja minn barra. Ħaġa li wasslet biex dawn l-industriji nazzjonali baqgħu lura u tgħażżnu quddiem l-isfidi tat-tiġdid. Biex iżommu fil-wiċċ, kienu jipproduċu u jbigħu bi prezz għoli għad-dannu tal-konsumatur. 

Hu minnu li s-suq wieħed Ewropew bit-tneħħija tal-protezzjoni u dawn is-sussidji, immodernizza u żviluppa bil-kbir. L-għajta kontra l-għajnuniet tal-istat saret tiddomina. 

Naħseb li qed tittieħed wisq bogħod. Hemm sitwazzjonijiet illum fejn l-għajnuniet tal-istat jagħmlu sens kbir. Bħal fil-ħidma għaddejja dwar it-trasformazzjoni “ħadra” – il-“Green Deal”. Ma narax kif tista’ tirnexxi mingħajr għajnuniet tal-istat.

TIFKIRIET POLITIĊI

Kif niftakru l-ġrajjiet politiċi li seħħew f’ħajjitna, jiddependi ħafna mill-fehmiet u t-twemmin li ħaddanna matulhom. Din l-esperjenza tiġrili ta’ spiss: ma’ persuni li għaddew mill-istess ġrajjiet bħali u li ħdimna flimkien, il-memorji tagħna ta’ x’ġara u għaliex, huma kompletament ċari u qawwija. Jaqblu bejniethom.

Biss imbagħad, meta nqabbilhom ma’ ta’ ħbieb oħra li ma jaqblu xejn mal-fehmiet tiegħi u li għexu mill-istess ġrajjiet, nara d-differenza. Għal tal-aħħar, jeżistu biss l-aspetti li jpoġġu f’dawl ħażin il-fehmiet li sħabi u jien appoġġajna. Dak li aħna qisna importanti f’li ġara, għalihom lanqas jeżisti.

F’dan kollu, niddubita kemm il-problema hi l-malafede ta’ naħa jew oħra. Il-mod kif naraw u nifhmu l-ġrajjiet li nġarrbu jiddependi kważi għal kollox mill-fehmiet li nitilqu minnhom. 

EWRO-ĊENTRIŻMU

Is-sentiment li l-Ewropa għandha valuri u stil ta’ ħajja eżemplari jinħass qawwi fil-fora Ewropej ewlenin, mhux l-anqas tal-Unjoni Ewropea. Min minn barra jixtieq jitħabbeb mal-Ewropej, tarah lest ifaħħarhom bil-kbir. U fil-bixra ewro-ċentrika li tiddomina l-istituzzjoniet Ewropej, dan it-tifħir jittieħed bħala tribut naturali.

Mentri hemm ħafna barra l-Ewropa li jqisuha bħal fuklar ta’ ipokresija. Ifakkru kif mill-Ewropa ħarġu l-proġetti kollha ta’ imperjaliżmu msejsa fuq l-esplojtazzjoni. Isemmu kif l-aktar ħaġa li l-Ewropej iżommu quddiem għajnejhom hi s-salvagwardja tal-interessi tagħhom. Jinnotaw li parti sostanzjali mill-ġid ekonomiku li l-Ewropej igawdu nbniet fuq l-esplojtazzjoni ta’ kontinenti oħra, kif għadu jseħħ sal-lum. Jargumentaw li l-Ewropej jinsistu ma’ ħaddieħor fuq id-demokrazija sakemm ma jidħlux fin-nofs fatturi politiċi jew ekonomiċi li jmorru kontra l-interessi tagħhom.

Sport