Friday, April 19, 2024

French Open: Alcaraz jegħleb lil Tsitsipas

Aqra wkoll

L-aqwa seed Carlos Alcaraz se jiffaċċja lil Novak Djoko­vic fis-semi-finali tal-French Open wara li għeleb lil Stefanos Tsitsipas biex iwaqqaf il-konfront tant mistenni kontra l-player Serb li min-naħa tiegħu elimina lir-Russu, Karen Khachanov.

Alcaraz, 20 sena, rebaħ 6-2 6-1 7-6 (7-5) kontra l-ħames seed Grieg f’sagħtejn u 12-il minuta, fejn kien fit-tielet set biss li huwa ħabbat lill-Ispanjol meta minn 5-1 minn taħt dan daħħal il-logħba f’tiebreak missielta.

Iżda jekk Djokovic irid jirbaħ it-23 titlu tal-Grand Slam irid jgħaddi mill-aktar test diffiċli tiegħu s’issa meta jiltaqa’ maċ-champion tal-US Open, Alcaraz, għada l-Ġimgħa.

Fin-nuqqas ta’ Rafael Nadal imweġġa’, Djokovic u Alcaraz ilhom għal żmien twil meqjusa bħala favoriti konġunti biex jieħdu l-kuruna taċ-champion għal 14-il darba, u dak li wrew s’issa f’dan it-tournament jissuġġerixxi bil-qawwa li dan jibqa’ l-każ.

Alexander Zverev ibbukkja ritorn emozzjonali fis-semi-finali b’rebħa missielta fuq l-Arġentin mhux issidjat, Tomas Martin Etcheverry.

Is-sena l-oħra l-Ġermaniż ħalla Roland Garros f’siġġu tar-roti wara li għamel ħsara kbira fil-ligamenti tal-għaksa fis-semi-finali tiegħu kontra Rafael Nadal.

Iżda huwa rebaħ 6-4 3-6 6-3 6-4 wara tliet sigħat u 25 minuta biex ikompli t-tentattiv tiegħu għall-ewwel titlu tiegħu tal-Grand Slam. Fl-aħħar erbgħa huwa se jiffaċċja lil Casper Ruud tan-Norveġja jew lil Holger Rune tad-Danimarka li lagħbu tard l-Erbgħa filgħaxija.

Iċ-champion renjanti tan-nisa, Iga Swiatek, kompliet bid-dominanza tagħha fuq l-adoloxxenti Amerikana, Coco Gauff, biex stabbiliet semi-finali kontra l-14-il seed Brażiljana, Beatriz Haddad Maia.

In-numru wieħed tad-dinja, Swiatek, li għelbet lil Gauff fil-finali tal-2022, rebħet 6-4 6-2. Il-konfront kien ferm eqreb mis-sena l-oħra iżda l-kwalità ta’ Swiatek uriet fis-seba’ rebħa konsekuttiva fuq Gauff.

Haddad Maia, 27 sena, waslet għall-ewwel semi-finali tal-Grand Slam tagħha billi ssieltet lura biex għelbet lil Ons Jabeur tat-Tuneżija.

Haddad Maia, li qabel qatt ma kien laħqet it-tielet round ta’ tournament maġġuri, irkuprat biex rebħet 3-6 7-6 (7-5) 6-1.

Haddad Maia saret magħrufa għall-ħila tagħha li tgħaddi minn testijiet twal, inkluż fir-raba’ round ta’ Roland Garros meta għelbet lill-Ispanjola Sara Sorribes Tormo f’logħba epika li damet kważi erba’ sigħat.

Sport