Minn Jannar 2022 saru 382 test tal-awrina fuq uffiċjali korrettivi fejn kien hemm żewġ każijiet biss li rriżultaw fil-pożittiv. Dawn tal-aħħar m’għadhomx impjegati tal-Aġenzija. Ikkonferma dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri waqt li kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.
Il-Ministru Camilleri qal li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tieħu bis-serjetà kwalunkwe abbuż ta’ droga mhux biss minn dawk li jkunu qed jiskontaw sentenza iżda wkoll il-ħaddiema, fejn isiru testijiet kontinwi kontra l-abbuż ta’ droga.
Sammut staqsa wkoll ittiħdux passi dixxiplinarji fuq uffiċjali korrettivi, bil-Ministru jwieġeb li jinsab infurmat illi minn Jannar 2022 sal-preżent ittieħdu 39 pass ta’ dixxiplina. Dawn ivarjaw minn uffiċjali li ma jsegwux ordnijiet li jingħataw, parteċipazzjoni bl-uniformi ta’ affarijiet li jmorru kontra l-proċeduri stabbiliti, u proċeduri legali.
Sammut staqsa wkoll dwar kemm kien hemm uffiċjali li rriżenjaw mill-2020, bil-Ministru Camilleri jikkonferma li kien hemm ħames persuni fis-sena 2020, seba’ persuni fis-sena 2021, 11 -il persuna fis-sena 2022, u 8 persuni fis-sena 2023.