Sunday, November 10, 2024

F’sitt xhur l-MCA irċeviet 71 ilment dwar servizz ta’ komunikazzjoni 

Aqra wkoll

Matul l-ewwel sitt xhur tal-2022, l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) irċeviet 71 ilmenti, li minnhom 86% kienu dwar servizzi tal-komunikazzjoni elettroniċi (mowbajl, linja fissa, internet u televiżjoni), filwaqt li 14% kienu dwar is-servizzi postali. Madankollu, l-MCA rrapurtat tnaqqis ta 16% fl-ilmenti li rċeviet f’dan il-perjodu meta mqabbla mal-aħħar sitt xhur tal-2021. L-Awtorità rċeviet ukoll 342 talba għall-informazzjoni dwar diversi kwistjonijiet relatati mas-setturi regolati minnha. 

L-istatistika tal-ilmenti turi li l-kwalità tas-servizz baqgħet l-aktar tip komuni ta’ ilmenti li tirċievi l-Awtorità b’27 ilment irrapurtat. L-iktar kwistjonijiet komuni relatati mal-kwalità tas-servizz kienu dwar customer care(12) u ħsarat fis-servizz (8). Ilmenti oħra dwar il-kwalità tas-servizz kienu jinkludu kwistjonijiet dwar il-veloċità tal-internet (4), installazzjoni (1), mobile reception (1) u mobile data (1). L-MCA rreġistrat ukoll ilmenti oħrajn li kienu dwar problemi bl-aċċessibbiltà tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni free-to-air (15), il-kontijiet (13), u terminazzjoni tas-servizz/i jew tibdil fis-servizz (6). 

L-MCA rreġistrat 10 ilment postali matul l-ewwel nofs tal-2022. L-MCA ġabet dawn il-każijiet għall-attenzjoni tal-operaturi sabiex ikunu jistgħu jinvestigaw aktar il-kwistjonijiet imqajma u jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni sussegwenti kif xieraq. 

L-Awtorità għamlet ukoll numru ta’ telefonati lejn il-linji ta’ sapport bit-telefon li joffru diversi operaturi ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni u dawk postali sabiex tiġbor indikazzjoni tal-ħin li jieħdu biex iwieġbu t-telefonati tal-klijenti tagħhom. Ir-rapport jinkludi informazzjoni dwar il-kejl miġbur mill-MCA f’dan il-qasam bejn Jannar u Lulju tal-2022. 

F’dan il-perjodu l-MCA wettqet 909 telefonata lejn il-customer care tal-operaturi li joffru s-servizzi tat-telekomunikazzjoni li huma EPIC Communications Ltd, GO plc u Melita Ltd. Minn dan l-eżerċizzju 58% tat-telefonati li saru ġew imwieġba fi żmien 5 minuti u 44% tat-telefonati li saru ġew imwieġba fi żmien 2 minuti. 

L-MCA wettqet ukoll diversi telefonati (total ta’ 231 kejl meħuda bejn Jannar u Ġunju 2022) lejn il-customer caretal-MaltaPost, u li f’dan l-eżerċizzju 96% tat-telefonati ġew imwieġba fi żmien 5 minuti u 85% tat-telefonati ġew imwieġba fi żmien 2 minuti. Ir-rapport jinkludi iktar informazzjoni dettaljata fosthom informazzjoni dwar il-kejl meħud mill-MCA għal kull operatur. 

Sport