“Għal dan l-ispettaklu tan-nar ilna nippreparaw ‘l fuq minn sena”

- il-pirotekniku Jason Borg Mifsud

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Lejlet il-Festa ta’ Santa Marija, ir-raħal tal-Imqabba għal darb’oħra se jkun iċ-ċentru ta’ wieħed mill-aktar avvenimenti pirotekniċi mistennija f’Malta hekk kif il-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu se jirritorna l-Fireworks Spectacular 2026, bi spettaklu saħansitra aktar innovattiv. 

Dan il-ġurnal żar il-post ta’ fejn jinħaraq in-nar u hemmhekk tkellimna mal-Pirotekniku Jason Borg Mifsud li spegalna l-proċess x’jinvolvi, l-ħidma wara dan l-ispettaklu tan-nar u d-dedikazzjoni ta’ bosta pirotekniċi u voluntiera biex dan ikun possibli li jittella’.

Borg Mifsud beda biex qalilna li l-proċess tan-nar, speċjalment dak tal-ajru jieħu madwar sena u ġieli anke iktar. Spjega li kollox jibda mill-ippjanar u mbagħad ovvjament tibda l-manifattura tal-murtali, li jsiru proċessi differenti. Qal li din twassal fl-aħħar mill-aħħar għall-għalqa biex jinħaraq in-nar. 

Matul din l-intervista, Jason tana rendikont ta’ kemm ikun hemm nies involuti. Huwa qalilna li matul is-sena jkun hemm madwar 20 persuna. Però mbagħad meta jaslu għas-set-up fejn jkunu jridu ħafna iktar għajnuna, ikunu mal-50 persuna. 

Ma stajniex ma nsaqsuhx x’wieħed se jkun qiegħed jistenna li jara waqt il-Fireworks Spectacular. Saħaq li bla dubju ta’ xejn, se jerġa’ jirritorna t-torri tad-dawl. Dan se jkun b’effetti ġodda tridimensjonali (3D) sinkronizzat fil-parti l-kbira mal-mużika ta’ Coldplay. Minbarra n-nar tal-ajru li se joħroġ minn dan it-torri, se jkun hemm ukoll murtali tradizzjonali Maltin u spettaklu kbir ta’ gigifogu.

Jason qalilna wkoll; “Fil-qalba ta’ din l-edizzjoni jerġa’ jispikka t-torri tad-dawl, struttura impressjonanti għolja 63metru, meqjusa bħala waħda mill-aktar spettakli pirotekniċi uniċi fid-dinja. Din is-sena t-Torri se jippreżenta kunċett kompletament ġdid li se jinkludi effetti tridimensjonali (3D), maħluqa apposta sabiex joffru esperjenza viżiva ġdida.

Waqt li dawwarna mal-murtali li kien hemm imħejjija, spjegalna li l-lejla se tintemm b’waħda mill-aktar tradizzjonijiet tal-logħob tan-nar: wirja ta’ nar tal-art mekkanizzat fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija li toħloq disinji u movimenti artistiċi permezz tal-piroteknika, b’uħud minnhom jilħqu dijametru ta’ 9 metri.

Il-pirotekniku Imqabbi tenna jgħidilna li bħal kull sena, il-Fireworks Spectacular 2026 se jkun serata straordinarja fejn tradizzjoni ta’ sekli sħaħ tiltaqa’ mal-innovazzjoni, il-kreattività u l-eċċellenza, biex għal darb’oħra jkun wieħed mill-qofol tal-kalendarju tal-festi Maltin matul is-sajf.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport