Thursday, August 13, 2026
Home Bloggers NORMAN

NORMAN

0
11

Matul is-snin, Norman Hamilton sar ħabib kbir.

Qabel, għalija kien ikona – vuċi li mis-settijiet tar-Rediffusion fis-snin sittin, ippreżenta l-ewwel Breakfast Show fuq ir-radjo Malti. Kien jgħoġobni l-istil tiegħu u bħala teenager kont nieħu gost b’kif kien jippreżenta s-suċċessi pop tal-ġurnata. 

Ħafna snin wara, kont għadni nikkunsidrah bħala stilla tal-kultura u d-divertiment. Meta ltqajna l-ewwel darba, għall-bidu tas-snin tmenin, donnu kien se joqgħod b’seba’ għajnejn miegħi għax kont bdejt dieħel fl-amministrazzjoni politika. Imma malajr morna tajjeb flimkien u sirna ħbieb. Konna t-tnejn diretturi meta twaqqaf Radjo Mediterran, proġett bi sħab mal-gvernijiet tal-Alġerija u l-Libja. 

Fis-snin ta’ wara żammejna f’kuntatt, insegwu b’interess l-attivitajiet ta’ xulxin. Ħdimna flimkien fuq diversi proġetti. Dejjem baqa’ komunikatur u ġentlom, b’emfażi fuq il-ġentilezza, dejjem lest bi tbissima biex jagħti parir u inkoraġġiment. In-nuqqas tiegħu se jinħass bil-kbir mill-istituzzjonijiet kollha fejn ta servizz u gwida tajba. 

Il-kondoljanzi profondi tiegħi lil martu Josette, it-tfal tiegħu Davinia u Yasmin, u l-familja kollha.

IL-GŻIRA TA’ MANWEL

Xejn ma jinftehmu l-aħħar żviluppi fil-ġrajja tal-gżira ta’ Manwel. Il-gvern kellu – wara li ħa f’idu l-gżira kollha (u sew għamel) – jara kif se jiżviluppaha f’park nazzjonali. L-impressjoni li ngħatat kienet li se jsiru malajr konsultazzjonijiet miftuħa biex jinstab l-aħjar mod kif din il-ħaġa ssir.

Imma allura kif f’daqqa waħda, qisu bl-aktar mod naturali, faqqas proġett għal kumpless (m’hemmx kelma oħra għalih) kummerċjali? It-tifsiriet li ngħataw għaliex dan ġara ftit huma koerenti. Anke donnu hemm ironija stramba fil-biċċa: kieku l-gżira baqgħet taħt it-tmexxija tal-MIDI, il-kumpless ma kienx jitlaq!

Il-mistoqsija lanqas tqum dwar jekk hix ħaġa tajba jew ħażina li l-kumpless isir – imma kif ittieħdet id-deċiżjoni: malajr malajr, minn taħt… jew hekk dehret. Dnub li l-gvern iħalli l-kredibilità tiegħu tixxaqqaq b’dal-mod. 

IL-QAGĦDA SPORTIVA

Numru kbir ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin jiddedikaw bl-akbar entużjażmu ħin, sforzi u riżorsi personali f’xi wieħed mill-isport ipprattikati f’pajjiżna, bħala parteċipanti, organiżżaturi u sostenituri ta’ avvenimenti sportivi, kif ukoll bħala spettaturi. Fosthom mijiet fuq mijiet ta’ żgħażagħ li bl-impenn tagħhom, jidħlu għal sfidi importanti fl-isport kompetittiv u b’hekk jikkontribwixxu fis-sostenn u t-tisħiħ tal-identità nazzjonali.

Biss wieħed jibqa’ bl-impressjoni li m’għandniex – jew mhux qed jiġi komunikat tajjeb biżżejjed – rendikont sħiħ tal-qagħda sportiva ta’ Malta fl-oqsma kollha fejn il-Maltin jieħdu sehem. “Panorama” analitika ta’ dat-tip tgħin anke liċ-ċittadini komuni biex jifhmu kemm u fejn l-aħjar jista’ jingħata appoġġ effettiv lill-ħidma dejjem għaddejja tal-atleti u l-isportivi tagħna – ta’ spiss bogħod mill-attenzjoni u l-interess tal-publiku.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here