Minkejja li t-Tieni Gwerra Dinjija, li matulha nqatlu miljuni sħaħ bejn suldati u nies ċivili, kellha tkun il-gwerra li ttemm il-gwerer kollha, dan is-sentiment ma mmaterjalizzax. Tant illi f’xi naħa jew oħra tad-dinja għadna naraw gwerer u ġenoċidji sew bejn pajjiż u ieħor u anke gwerer ċivili. Dan juri li l-komunità internazzjonali fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda qed tfalli fil-missjoni tagħha li tkun ta’ makkinarju effettiv biex jintemmu l-gwerer.
Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li daqt tidħol fil-ħames sena tagħha, u kif ukoll il-bumbardamenti minn Iżrael fil-Gaża u l-Libanu huma xhieda ta’ dan kollu. Għalhekk it-tfittxija għall-paċi kullimkien, illum aktar minn qatt qabel, għandha tkun imsejsa fuq id-djalogu u d-diplomazija u mhux fuq il-vjolenza militari. Kif stqarret il-President Myriam Spiteri Debono fil-kommemorazzjoni tal-84 anniversarju mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija, li ġustifikament qalet ukoll li fil-gwerer ma jkunx hemm rebbieħa imma jkun hemm biss telliefa.
Sfortunatament ukoll ġieli ġara li gwerra tintemm u wara ftit xhur terġa’ tfaqqa’. Dan biex ma ngħidux ukoll li kif tintemm gwerra tfaqqa’ oħra xi mkien ieħor fid-dinja. U minn hawnhekk tkompli tispikka l-ħtieġa li d-djalogu u d-diplomazija jkunu l-għodod ewlenin fit-tfittxija għall-paċi dejjiema u għas-soluzzjoni tal-kunflitti li għad fadal fid-dinja li qed ngħixu fiha.
F’kunflitti kbar bħal dawn, dejjem ikun hemm pajjiżi oħra li għalkemm ma jkunux involuti direttament militarment, b’danakollu jkunu esprimew l-appoġġ jew il-kritika lejn xi naħa jew oħra fil-kunflitt. U minn hawnhekk toħroġ l-importanza kruċjali tal-politika ta’ newtralità u non-allinjament li adottat Malta bħala l-bażi tal-politika barranija tagħha. Dan hekk kif Malta emmnet li biex tkun verament il-pont li jgħaqqad, la trid tkun favur naħa u lanqas oħra f’ebda kunflitt, għaliex fehmet li jekk tappoġġja lil xi naħa tkun qiegħda teħodha kontra n-naħa l-oħra. Għalhekk nibtet ukoll il-vokazzjoni ta’ Malta għall-paċi mhux biss fil-Mediterran u fl-Ewropa imma anke madwar id-dinja kollha.
Kellha raġun il-President Spiteri Debono tgħid li s-sigurtà m’għandhiex sempliċiment tkun interpretata f’termini militari imma li n-nies m’għandhom qatt jgħixu fil-biża’, l-inċertezza u ċ-ċaħda materjali. Għaldaqstant ir-rwol ta’ Malta mhuwiex definit bil-pożizzjoni strateġika militari jew ġeografika ta’ pajjiżna imma bir-rieda li naħdmu biex ninkoraġġixu d-djalogu, it-tisħiħ tal-koperazzjoni u r-rispett għad-dinjità umana f’dak li kollu li nagħmlu.




