Wednesday, April 24, 2024

“Għal ħafna l-politika saret kelma kerha… jalla nissuperaw il-mentalità tribali tal-aħna u intkom, huma u aħna”

L-Arċisqof jieħu spunti miż-żjara tal-Papa Franġisku biex jitkellem dwar il-vokazzjoni tal-politika

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għal ħafna l-politika llum saret kelma kerha, u ma nistgħux nagħlqu għajnejna għall-fatt li wara dan spiss hemm l-iżbalji, il-korruzzjoni, l-ineffiċjenza ta’ xi politiċi. Ma’ dan inżidu l-istrateġiji li jimmiraw biex idgħajfuha, biex flokha jqiegħdu l-ekonomija jew biex jaħkmuha b’xi ideoloġija.” Qal dan L-Arċisqof Charles Scicluna waqt l-Omelija tiegħu il-quddiesa ta’ qabel iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra tad-79 deputati li se jiffurmaw il-leġislatura għall-ħames snin li ġejjin. Scicluna ħa spunti mill-esperjenza straordinarja taż-żjara tal-Papa Franġisku fostna ftit tal-ġimgħat ilu u fakkar il-kliem meqjus li tana.

L-Arċisqof qal li pajjiżna għandu bżonn il-politika u għandna bżonn partiti politiċi magħmula minn nies determinati li jwettqu u jagħmlu xi ħaġa. “Għandna bżonn ta’ politika li taħseb b’viżjoni wiesgħa, u li ġġib ’il quddiem viżjoni integrali ġdida, li tinkludi fi djalogu interdixxiplinari d-diversi aspetti tal-kriżi.” Il-Papa Franġisku jitkellem dwar “politika b’saħħitha li kapaċi ġġib riforma fl-istituzzjonijiet, tikkordinahom, tagħnihom bi prattika tajba u li tippermetti li jingħelbu l-presssjonijiet u d-dewmien vizzjuż”.

Il-Papa, dakinhar tat-2 ta’ April tkellem dwar l-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza huma pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata b’impenn li jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni. 

Dwar il-missjoni tal-politikant il-Papa jgħid  li jeħtieġ li dawn jagħrfu li f’kull bniedem hemm ħuna jew oħtna u nfittxu ħbiberja soċjali li tinkludi lil kulħadd mhumiex sempliċiment utopiji. Jeħtieġ li l-politkant jesiġi dwar id-deċiżjoni u l-ħila li jsibu t-toroq effikaċi li jiżguraw il-possibbiltà vera tagħhom. Il-Papa Franġisku jiddeskirvi l-politika bħala waħda mill-ogħla vokazzjonijiet u waħda mix-xejriet l-aktar prezzjużi ta’ mħabba, għax tfittex il-ġid komuni.

Rigward il-karità, qal li hi karità li toqgħod qrib ta’ persuna li qed tbati, u hu karità wkoll dak kollu li tagħmel, anki mingħajr ma jkollok kuntatt dirett ma’ dik il-persuna, biex tibdel il-kundizzjonijiet soċjali li qed jikkawżaw it-tbatija tagħha. Il-Papa jsemmi żewġ eżempji fejn jgħid li jekk xi ħadd jgħin anzjan jaqsam xmara – u din hi karità mill-aqwa – il-politiku jibnilu pont, u anki din hi karità. Jekk xi ħadd jgħin lil ieħor billi jagħtih x’jiekol, il-politiku joħloq għalih post tax-xogħol, u hekk ikun iħarreġ għamla l-aktar għolja ta’ karità li tagħmel l-azzjoni politika tiegħu waħda tassew nobbli. Scicluna kompla biex jgħid li dan il-kliem għandu jimliena b’kuraġġ biex nissuperaw il-mentalità tribali tal-aħna u intkom, huma u aħna li għalkemm ma tistax issir f’ġurnata, iżda li mhix xi ħaġa impossibbli.

Dwar dawk l-aktar batuti fis-soċjetà, l-Arċisqof qal li politika tajba għandha tagħti l-opportunitajiet biex huma jkunu jistgħu wkoll jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom għal ħajja aħjar. Rigward l-esperjenza ta’ dawk fil-politika m’għandhiex tiffoka fuq kemm ġabu voti jew jekk humiex jintgħoġbu b’għemilhom, iżda li kemm poġġew imħabba u kemm verament għenu lill-poplu jimxi ’il quddiem. 

Fil-bidu ta’ din il-leġislatura, l-Arċisqof awgura li bl-impenn u d-dedikazzjoni tar-rappreżentanti tal-Kamra, Malta tkompli tikber f’ambjent fejn tassew tingħata xhieda ta’ rispett u ta’ libertà, u tal-kapaċità li minkejja d-differenzi, ngħixu ma’ xulxin u l-progress ikun tassew il-promozzoni tal-ġid komuni. 

Sport