Minn Cristian Muscat
Ir-rebħ tat-BOV Amateur Cup kien tmiem perfett għal staġun mimli emozzjonijiet għal Qormi F.C. Fil-finali li ntlagħbet fis-Centenary Stadium, Qormi għelbu lil Victoria Hotspurs F.C. bl-iskor konvinċenti ta’ 4-0 biex żiedu trofew ieħor prestiġġjuż mal-istorja glorjuża tagħhom.
Kienet rebħa li ġabet sodisfazzjon enormi għall-familja kollha ta’ Qormi FC, speċjalment wara kampjonat fejn il-promozzjoni sfumat minkejja l-aspettattivi għoljin.
Wara l-logħba, il-Viċi President tal-Malta Football Association Adrian Casha u l-BOV Chief Operations Officer Ernest Agius ippreżentaw it-trofew lill-captain ta’ Qormi Eman Camilleri fost ċelebrazzjonijiet kbar li saru fl-istadium iżda anke fil-każin tal-klabb u li baqgħu għaddejjin sa tard filgħaxija.
F’dan il-kuntest tkellimna ma’ Redeno Apap, is-segretarju ta’ Qormi FC u figura sinonima mal-klabb, li ta ħarsa estensiva lejn l-istaġun, il-futur tal-klabb u l-imħabba kbira tiegħu lejn il-futbol.
“B’mod ġenerali kien staġun sabiħ ħafna,” beda jgħid Apap. “Naturalment hemm ftit diżappunt għax ma rnexxilniex niksbu l-promozzjoni għall-BOV Challenge League, iżda fl-istess ħin għalaqna l-istaġun b’Tazza prestiġjuża li tfisser ħafna għall-klabb.”
Ir-rebħ tal-Amateur Cup kien, skont hu, premju mistħoqq għall-ħidma ta’ kulħadd. “Din it-tazza kompliet iżżid mat-trofej tal-klabb u tagħtik sodisfazzjon għax tara x-xogħol li jkun sar matul is-sena jagħti l-frott tiegħu. Minn hawn irrid nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lil kulħadd fosthom plejers, staff tekniku, kumitat u lill-familja kollha ta’ Qormi FC.”
Apap jemmen li l-finali kienet dimostrazzjoni ċara tal-potenzjal tat-tim. “Illum urejna li konna tim b’saħħtu ħafna. Forsi ma konniex konsistenti biżżejjed matul il-kampjonat biex niksbu l-promozzjoni, iżda fil-finali tajna risposta ċara lil kulħadd.”
Hu ma naqasx milli jagħti mertu wkoll lit-timijiet li kisbu l-promozzjoni. “Nixtieq nawgura lil Attard F.C. u lil Victoria Hotspurs għall-promozzjoni tagħhom. Kien staġun diffiċli għal kulħadd u nirrispetta ħafna lill-plejers li kienu l-protagonisti prinċipali għal dak li għamlu.”
Barra mis-suċċess tat-tim, l-aħħar xhur kienu wkoll speċjali għal Apap fuq livell personali. Riċentement huwa ġie elett bħala rappreżentant fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Amateur League, pass ieħor importanti fil-karriera amministrattiva tiegħu fil-futbol Malti.
“Naturalment kienet aħbar sabiħa ħafna għalija. Dejjem ippruvajt nagħti l-aħjar tiegħi għall-futbol u din l-elezzjoni tfisser li hemm nies li jemmnu fija u fil-ħidma tiegħi. Inħossni onorat li se nkun qed nirrappreżenta lill-klabbs tal-Amateur League.”
L-istorja ta’ Redeno Apap ma’ Qormi FC tmur lura ħafna snin. Huwa wieħed mill-aktar amministraturi magħrufa fil-futbol Malti u ilu jservi lill-klabb f’diversi karigi importanti.
Fl-2010 kien sar president tal-klabb wara r-riżenja ta’ Matthew Fenech u aktar tard reġa’ ġie kkonfermat diversi drabi fil-kariga matul is-snin ta’ Qormi fil-Premier League.
“Qormi għalija huwa aktar minn klabb,” qal bi kburija. “Huwa parti minn ħajti. Għaddejt minn ħafna mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli, iżda dejjem bqajt nagħti qalbi għall-klabb.”
Wara li serva bħala president, Apap għadda għar-rwol ta’ segretarju fejn illum jieħu ħsieb il-ħidma amministrattiva ta’ kuljum. Huwa jemmen li r-rwol ta’ segretarju mhux dejjem ikun apprezzat biżżejjed.
“Hemm ħafna xogħol wara l-kwinti li forsi n-nies ma jarawhx. Mill-organizzazzjoni tal-logħob, il-komunikazzjoni mal-assoċjazzjoni, ir-reġistrazzjonijiet tal-plejers u ħafna affarijiet oħra. Trid tkun lest tagħti ħafna ħin u dedikazzjoni.”
Apap stqarr li l-futbol illum sar aktar diffiċli minn qatt qabel. “Il-futbol mhux faċli. Tista’ taħdem u tistinka sena sħiħa u xorta mhux dejjem tieħu dak li tkun trid. Xi kultant jiġu l-affarijiet tajbin u xi kultant le. Importanti li tibqa’ taħdem u ma taqtax qalbek.”
Meta tkellem dwar il-futur ta’ Qormi FC, huwa deher ottimist ħafna. “Nemmen li għandna bażi tajba ħafna. Il-klabb għandu storja kbira u hemm nies li jaħdmu bla waqfien biex Qormi jibqa’ miexi ’l quddiem. Irridu nibqgħu nibnu fuq dak li ksibna.”
Hu enfasizza kemm l-għaqda fil-klabb hija importanti. “Fuq kollox irridu nibqgħu familja waħda. Meta jkun hemm għaqda bejn il-plejers, l-istaff u l-kumitat, l-affarijiet jiġu aktar faċli.”
Apap jemmen ukoll li l-futbol Malti għandu bżonn aktar nies li jaħdmu b’passjoni vera.
“Jekk tidħol fil-futbol trid tagħmlu għax tħobbu. Mhux xogħol faċli u ħafna drabi trid tagħmel sagrifiċċji kbar. Imma meta tara lit-tim tiegħek jirbaħ trofew bħal dan, tħoss sodisfazzjon enormi.”
Ir-rebħ tal-BOV Amateur Cup se jibqa’ wieħed mill-isbaħ mumenti tal-aħħar snin għal Qormi FC, iżda għal Redeno Apap huwa wkoll konferma li l-klabb għadu ħaj u b’saħħtu.
“Din it-Tazza turi li Qormi FC għadu klabb importanti fil-futbol Malti. Aħna se nibqgħu naħdmu biex inkomplu nġibu suċċessi u nagħmlu lill-partitarji tagħna kburin.”
U filwaqt li l-istaġun issa spiċċa, il-ħidma wara l-kwinti diġà bdiet għall-futur. Għax għal nies bħal Redeno Apap, il-futbol qatt ma jieqaf għax huwa stil ta’ ħajja mibni fuq dedikazzjoni, passjoni u mħabba kbira lejn il-kuluri sofor u suwed ta’ Qormi FC.

