Luxol St. Andrews Futsal Club għamlu pass importanti lejn ir-rebħ tal-finali tal-Elite Playoffs tal-FMA Enemed Futsal League 2025/26 wara rebħa konvinċenti ta’ 5-1 kontra University of Malta Students Futsal Team fl-ewwel partita tal-finali li ntlagħbet fin-National Sports School f’Pembroke.
Il-Luxol bdew il-partita bl-aħjar mod possibbli u marru fil-vantaġġ kmieni permezz ta’ Rodrigo Jose Da Silva Rodrigues. Ftit wara, Maicon Da Silva Gaiewski rdoppja biex it-tim tiegħu daħal jistrieħ b’vantaġġ ta’ 2-0.
Fit-tieni taqsima, Nathan Cope għamilhom 3-0, iżda l-Università ta’ Malta wieġbu malajr permezz ta’ Andre Ciancio biex reġgħu daħlu fil-logħba.
Madankollu, Luxol komplew jikkontrollaw il-logħba u żiedu żewġ gowls oħra permezz ta’ Rodrigo Rocha u Jefferson Breno Ferreira Alves biex issiġillaw rebħa ta’ 5-1.
Minkejja l-iskor finali, il-plejers tal-UOM taw wirja pożittiva ħafna u kienu sfortunati f’diversi okkażjonijiet hekk kif laqtu l-lasta diversi drabi matul il-partita. It-tim universitarju kompla juri karattru u determinazzjoni kontra avversarji ferm esperjenzati.
Issa Luxol jinsabu fil-vantaġġ fil-finali hekk kif is-serje se tintlagħab fuq format ta’ best-of-three. It-tieni partita tal-finali se tintlagħab nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju.

