Friday, May 15, 2026

‘Jekk tridu tirnexxu fil-futbol tridu tkunu dixxiplinati, tagħmlu sagrifiċċji u tisimgħu mill-kowċis u minn nies ta’ esperjenza’ – Ronnie Camilleri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kien staġun diffiċli, mimli tensjoni u sfidi sal-aħħar ġurnata, iżda għal Pembroke Athleta F.C. l-għan ewlieni ntlaħaq: is-salvazzjoni fil-BOV Amateur League I.

Ir-rebħa drammatika ta’ 1-0 kontra Xgħajra Tornados F.C. fil-play-off ta’ relegazzjoni li ntlagħbet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-Victor Tedesco Stadium kienet biżżejjed biex Pembroke żammew posthom fil-kategorija, filwaqt li Xgħajra spiċċaw relegati fin-National Amateur League II.

F’dan l-isfond, dan is-sit tkellem ma’ Ronnie Camilleri, Team Manager ta’ Pembroke Athleta, li fetaħ qalbu dwar l-andament tat-tim, l-isfidi tal-istaġun, il-ħidma tiegħu ma’ Jeffrey Mifsud u anke l-futur tiegħu fil-futbol.

“L-istaġun li għadda kien wieħed fejn hemm ħafna xi tgħid,” beda jgħid Camilleri. “Fis-sajf flimkien mal-kowċ u mal-istaff ħdimna biex nibnu tim li dehrilna li kien kompetittiv. Fil-verità hekk konna, iżda kien hemm ċerti logħbiet fejn ix-xorti ma tantx daħkitilna u fejn kellna nieħdu l-punti iżda spiċċajna ma ħadna xejn. Kien hemm ukoll injuries importanti li affettwawna.”

Hu spjega kif il-kampjonat kien wieħed bilanċjat immens, tant li sal-aħħar ġurnata ħadd ma kien jaf min se jsalva u min kien se jaqa’. “Kollox kien viċin ħafna. Anke fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika, il-postijiet kienu qed jiġu deċiżi fl-aħħar. Għalina kienet it-tielet sena konsekuttiva li kellna niġġieldu sal-aħħar logħba biex insalvaw il-kategorija.”

Ir-rebħa kontra Xgħajra Tornados kienet il-qofol ta’ staġun mimli pressjoni. “Kellna nirbħu d-decider u rnexxielna nagħmluha. Ma kinitx faċli għax kampjonat fejn jaqgħu erba’ timijiet dejjem ikun iebes. Kellna logħbiet tajbin ħafna u oħrajn fejn stajna għamilna aħjar. Fl-aħħar mill-aħħar sodisfatt li salvajna.”

Camilleri ma naqasx milli jsemmi kemm kienet importanti l-għaqda fit-tim. Fil-fatt, skont hu, dik kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin għas-suċċess finali. “F’Pembroke hemm xi ħaġa sabiħa ħafna: l-għaqda. Kull plejer għandu valur u kulħadd hu trattat l-istess. Jekk tiġi l-okkażjoni, kull plejer jieħu ċ-ċans tiegħu. Dik il-mentalità għenet ħafna biex iżżomm lit-tim magħqud.”

Huwa tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni professjonali li kellu mal-kowċ Jeffrey Mifsud, li wara tliet snin fit-tmexxija ta’ Pembroke telaq mill-klabb b’mod amikevoli fi tmiem l-istaġun.

“Jeffrey kien hu li talabni biex ningħaqad miegħu bħala Team Manager. Għandna relazzjoni tajba ħafna u nitkellmu kuljum. It-tim kien diġà lest u ma kellix l-aħħar kelma fuq il-plejers, iżda dejjem konna noqogħdu bilqiegħda u niddiskutu ħafna affarijiet.

Huwa dejjem kien japprezza l-opinjonijiet tal-istaff kollu, kemm tal-assistant coaches kif ukoll tal-goalkeepers’ coach.”

Camilleri ddeskriva lil Mifsud bħala kowċ metikoluż u b’esperjenza kbira fil-futbol Malti.

“Hu kowċ rinomat u jaf il-logħba sew. Dejjem jagħżel plejers li jħoss li huma addattati għal dik il-logħba partikolari. Huwa dixxiplinat u jidħol fid-dettall.”

Minkejja s-suċċess tas-salvazzjoni, Camilleri ammetta li l-futur tiegħu fil-futbol bħalissa mhux ċert. Dan minħabba opportunità importanti fix-xogħol tiegħu barra mill-futbol.

“Din hi mistoqsija diffiċli,” qal b’onestà. “Jien naħdem fil-qasam tal-proprjetà u jista’ jkun li jkolli opportunità oħra importanti. Jekk naċċettaha, il-ħin tiegħi għall-futbol jonqos drastikament. U jien bniedem li meta nidħol għal xi ħaġa nagħmilha kif suppost. Għalhekk fil-futur qrib irrid nara sew x’se nagħmel.”

Hu m’eskludiex il-possibbiltà li jagħmel pass lura mill-futbol jekk il-karriera professjonali tiegħu tieħu prijorità. “Bla ebda nuqqas ta’ rispett lejn ħadd, opportunità ta’ xogħol importanti ma nistax ninjoraha. Għalissa ma nistax ngħid x’se jkun il-futur tiegħi.”

Madankollu, huwa konvint li Pembroke għandhom potenzjal sabiħ għall-futur. “Il-klabb għandu facilitajiet tajbin ħafna bħal dressing rooms, gym u infrastruttura li qed titjieb. It-tim qiegħed hemm u hemm bażi tajba biex wieħed jibni fuqha.”

Camilleri huwa persuna li ilu marbut mal-futbol sa minn età żgħira. L-imħabba tiegħu lejn il-logħba bdiet fil-grawnd tal-iskola. “Kont nilgħab waqt il-brejk u kont nagħmel parti mit-tim tal-iskola meta kienu jsiru kampjonati bejn l-iskejjel.”

Wara l-iskola waqqaf it-tim ta’ Burmarrad AFC flimkien ma’ sieħbu Paul Bartolo. “Konna niltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd u mmorru nilagħbu fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar. Dak kien żmien sabiħ ħafna.”

Minn hemm il-karriera tiegħu kompliet tikber. Huwa lagħab ma’ Sirens wara li kien avviċinat minn Tony Cauchi u wara ħames staġuni ngħaqad ma’ Hibernians F.C. b’self.

“Iddebuttajt fil-ftuħ tal-istaġun kontra Valletta F.C.. Esperjenza li tibqa’ tiftakarha.”

Bħala Team Manager, Ronnie jemmen ħafna fl-importanza tal-aspett uman fil-futbol.

“Mhux biss tattendi t-taħriġ u l-logħob. Trid tieħu ħsieb il-benesseri tal-plejers u żżomm lill-grupp magħqud. Anke attivitajiet ta’ team building huma importanti ħafna.”

Fl-aħħar tal-intervista, Camilleri ried iwassal messaġġ ta’ ringrazzjament lil dawk kollha li ħadmu miegħu matul l-istaġun.

“Nixtieq nirringrazzja lill-plejers kollha, lill-president, lill-kowċis, lill-kit manager, lill-fiżjo-terapista u lill-istaff kollu. Inħossni onorat li ħdimt magħhom u li flimkien irnexxielna nwasslu l-vapur sal-port.”

U għal dawk iż-żgħażagħ li joħolmu b’karriera fil-futbol, il-parir tiegħu huwa wieħed sempliċi iżda importanti ħafna. “Jekk tridu tirnexxu fil-futbol tridu tkunu dixxiplinati, tagħmlu sagrifiċċji u tisimgħu mill-kowċis u minn nies ta’ esperjenza. Għandkom dejjem tagħmlu dak kollu li tifilħu u titilgħu s-sellum skaluna wara oħra.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport