Friday, May 15, 2026

‘Taqta’ qalbek qatt u dawwar lilek innifsek b’nies li lesti li jissapportjawk u jħeġġuk biex tibqa’ tirnexxi’ – Alexia Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Jien minn dejjem kont persuna sportiva u attiva fl-isport. Biss peró l-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet ftit wara l-pandemija tal-Covid-19 fejn iktar kont iffukata fuq road running ta’ distanzi varji. Riċentement, bl-apoġġ tal-kowċ tiegħi bdiet imħabba ġo track and field events.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Agħtina d-dettalji kollha rigward l-aħħar tellieqa li ħadt sehem fiha.

L-aħħar tellieqa li ħadt sehem kienet 5km ta’ Pembroke Atleta fejn irbaħtha.

X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Kelli suċċessi varji ġo road running f’distanzi ta’ 5k, 10k nofs maratoni fosthom podiums lokalment u ħinijiet tajbin internazzjonali, podium fin-Nation Mountain Running Championships, filwaqt li ġo track and field events, ksibt l-unur ta’ national champion f’distanzi ta’ 600m u 1000m fil-kategorija tal-etá tiegħi u club records.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell qed jogħla u dak jirrifletti fir-riżultati tajbin li qed niksbu internazzjonalment.

Niddiżappunta ħafna ruħi meta nara nuqqas ta’ spirtu sportic minn ċerti kowċis fejn dawn għandhom ikunu ta’ eżempju għall-atleti tagħna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Postijiet fejn titħarreġ ma tantx hawn u li hemm hija l-Marsa Sports Track peró ċerti ħinijiet, tkun diffiċli mmens biex titħarreġ peress li jkun hemm il-klabbs jitħarrġu kollha fl-istess ħin.

Fejn jidħlu kompetizzjonijiet issib ħafna road races iżda sfortunatament hawn Malta ma nagħtuhomx importanza daqs pajjiżi oħra pereżempju bliet kbar bħal Valencia u Copehnagen, saħansitra Londra jagħlqu t-toroq u n-nies jinżlu bi ħġarhom jissapportjawk fejn hawn Malta jagħlqulek triq waħda, karozzi jpaqpqu, nies igergru u dan kollu waqt li inti tkun qed tiġri b’karozzi ħdejk.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Jien nemmen ħafna fil-preżent u bħalissa għandi staġun tajjeb ħafna, podiums u dejjem qed intejjeb il-ħinijiet tiegħi f’kull distanza. Nibqa’ nittama li nibqa’ sejra hekk u nimxu pass pass ‘il quddiem!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera jew suċċess fl-atletika.

Ovvjament, dan huwa sport li inti tieħu lura skont kemm taħdem għalih iżda jekk inti vera tkun tħobb dan l-isport, ma tarax lilek innifsek li qed tagħmel sagrifiċċji meta titħarreġ ta’ kuljum f’kull element is-sena kollha, tieħu ħsieb in-nutrizzjoni tiegħek u l-fatturi kollha biex inti tkun tista’ tagħmel wirja aħjar. Magħhom, l-iktar ħaġa importanti hi dik li tħalli lill-kowċ tiegħek jiggwidak.

Messaġġ li nipprova nwasal ta’ kuljum b’eżempju hu biex ma taqta’ qalbek qatt, taħdem għall-ħolm tiegħek, tħalli lil ħadd iwaqqfek milli tikseb li tixtieq u dejjem dawwar lilek innifsek b’nies li jgħinuk, jissapportjawk u jridu jarawk tirnexxi. Nixtieq nagħlaq din l-intervista billi nirringrazzja lill-familja tiegħi għall-appoġġ u s-sapport bla qies li jagħtuni speċjalment mingħand it-tfal u r-raġel tiegħi!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport